In-Nutar Philip Said ta’ 72 sena mis-Siġġiewi kellu jċedi l-warrant tal-professjoni tiegħu wara li ngħata sospensjoni minħabba każi relatati mal-ħlas tal-VAT. Hu kien ordnat li jirrifondi €54,973 lil 26 persuna, fosthom numru ta’ koppji wara li nstab ħati mill-Qorti li żamm għalih flus li kien obbligat li jgħaddi.
Said kien akkużat li bejn Frar tal-1991 u Settembru tal-2015 dawwar fi profitt għalih flus li kienu ġew fdati lilu minħabba li kien jiprattika ta’ nutar. Hu kien akkużat ukoll li wettaq frodi. F’kawża oħra hu kien akkużat li bejn Lulju tal-2007 u Lulju tal-2013 wettaq l-istess reati b’dannu għal diversi persuni oħrajn.
Il-Pulizija kienet bdiet tinvestiga lil Said wara li kienet irċiviet diversi rapporti minn klijenti tiegħu dwar ħlasijiet li kienu għamlu fuq xiri ta’ propjetà u għelieqi u li ma kinux jidhru reġistrati.
Fix-xhieda tiegħu n-Nutar Said qal li hu kien jaħdem bħala nutar bejn l-1983 u l-2014 meta ċeda l-warrant minħabba li kellu problemi mal-VAT u l-warrant kien sospiż.
Xehed li kellu u operating account fejn kien jiddepożita l-flus li jgħaddulu l-klijenti għall-ħlasijiet ta’ bolol u taxxi waqt li d-drittijiet tiegħu kien jgħaddihom lil martu.
Stqarr li kellu jieqaf mix-xogħol minħabba mandat ta’ sekwestru li kien inħareġ fil-konfront tiegħu. Is-sekwestru kien ta’ €6,000. Qal li hu stess kien vittma ta’ scam fejn kien tilef €23,000 u dan l-ammont kienu nħarġu mill-istess operating account.
Il-Maġistrat Ann Marie Thake wara li semgħet il-proċess kollu sabet lil Said ħati li kien żamm flus għalih, imma fl-istess waqt ma sabitux ħati ta’ frodi.
Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat qalet li l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova li l-akkużat kien uża flus kien jaf li għaddew għandu biex iħallas taxxi u bolla ħalli jirreġistra atti ppubblikati minnu biex iħallas spejjeż personali, biex jipprova jinvolvi ruħu f’negozju biex jagħmel qligħ jew biex iħallas il-boll u t-taxxa ta’ klijenti differenti u dan mingħajr ma kienu jafu l-klijenti.
Il-Qorti qalet li kienet qiegħda tqis li hu kien uffiċjal pubbliku u anke li kien abbuża mill-fiduċja li wrew fih il-klijenti. Ġie nnutat li ħadd mill-vittmi ma kien ġabar flusu lura. Ikkunsidrat ukoll l-età tal-akkużat u qalet lima kinitx tal-opinjoni li għandu jingħata piena ta’ ħabs.
Kien għalhekk li l-Qorti poġġiet lil Said taħt probation għal 3 snin, ordnatu jħallas is-somma globali ta’ €54,973 lill-klijenti milquta fi żmien sena u ordnat ukoll l-interdizzjoni ġenerali perpetwa tiegħu.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mis-Supretendenti Kylie Borg u l-Ispettur Rennie Stivala.