In-Nutar Pierre Falzon, li għandu 62 sena u li jgħix il-Qawra, ma nstabx li ffalsifika kuntratti, wara li saru żbalji fil-proċedura fil-Qorti. Kienet il-Maġistrat li qalet li ma setgħex tagħti ġudizzju minħabba dawn l-iżbalji.
In-Nutar Falzon kien mixli li ffalsifika l-firma ta’ direttur ta’ kumpanija fuq tlett kuntratti ta’ kanċellament ta’ ipoteki madankollu huwa ċaħad li kkommetta reat kriminali.
Il-Qorti qalet li waqt il-proċess li kien beda jinstema quddiem maġistrat ieħor ma nqrawx xi artikoli tal-liġi, l-akkużat qatt ma ġie mistoqsi jekk hux qed joġġezzjoni dwar il-każ tiegħu li jiġi trattat u deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati u lanqas ma kien ingħata żmien biex ikollu ċans iwieġeb għal din il-mistoqsija.
Kien għalhekk li l-Qorti qalet li m’għandhix il-poter u s-setgħa legali li tmexxi għas-sentenza. Kien għalhekk li l-Maġistrat iddikjarat li l-proċeduri huma nulli u waqfet milli tisma’ l-provi li kienu se jitressqu kontra l-akkużat.