Minn Cristian Muscat
Kif beda l-interess tiegħek fin-nutrizzjoni?
Minn dejjem kien jinteressani s-suġġett dwar in- nutrizzjoni u kien dan l-interess li ħeġġiġni nistudja għal snin sħaħ biex finalment nikkwalifika bħala nutrizzjonista.
L-interess tiegħi fl-eżerċizzju fiżiku u sport imbagħad kompla jħajjarni sabiex inkompli nispeċjalizza fuq in-nutrizzjoni fl-isport.
Dan tani l-opportunitá biex nesperjenza x-xogħol li tant inħobb nagħmel f’diversi attivitajiet sportivi, kemm fi sport li jivolvi timijiet bħal ma huma l-football u l-waterpolo, kif ukoll fuq livell kompetittiv individwali.
Dan tani wkoll l-opportunità li nitgħallem iżjed permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ coaches u professjonisti sportivi oħra li tant jagħmlu xogħol siewi.
X’tinvolvi nutrizjoni tajba għall-persuna sportiva?
Nutrizzjoni tajba fuq bażi regolari għandha tkun il-qofol ta’ kull persuna, sabiex inħarsu saħħitna u nipprevjenu mill-mard.
Għandna nieklu b’mod bilanċjat skond l-istatura tagħna u l-enerġija li aħna naħlu ta’ kuljum.
Persuni li jipparteċipaw fi sport kompetittiv b’iżjed intensità u frekwenza ta’ eżerċizzju jaħlu ħafna iżjed enerġija u għaldaqstant jirrikjedu nutrizzjoni speċifika għalihom sabiex jagħtu prestazzjoni aħjar.
Riċerka turi li atleti li huma ggwidati bi programm nutrizzjonali maħruġ minn nutrizzjonisti kkwalifikati u speċifikat għalihom jistgħu javvanzaw sa 70%.
Dan għaliex il-ġisem tagħna huwa maħsub qisu magna li għandha bżonn il-fuel biex taħdem.
Hemm bżonn li l-kwalitá u l-kwantitá tal-fuel għall-gisem ikunu adattati għall- enerġija li l-persuna tirrikjedi. Nuqqas ta’ dan jista’ jwassal sabiex l-atleta ma jkunx jista’ jagħti l-massimu tiegħu kif ukoll jiżdied ir-riskju ta’ injuries.
Tista’ tagħtina iktar dettalji rigward nutrizzjoni xierqa fl-isport?
Is-suġġett tan-nutrizzjoni fl-isport huwa dettaljat ħafna. Kull dixxiplina sportiva għandha livelli ta’ nutrizzjoni maħruġa għaliha minn għaqdiet sportivi b’kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni tas-Saħħa Dinjija (WHO).
U għaldaqstant huwa importanti li bħal kull parir ieħor dwar nutrizzjoni, min jagħti pariri lill-atleti dwar nutrizzjoni fl-isport jew kwalunkwe raġuni oħra jrid ikun kwalifikat fix-xjenza fuq livell post- terzjarju f’Universitá rikonoxxuta u reġistrata mad- Dipartiment tas-Saħħa lokali b’numru ta’ liċenzja maħruġ li jintwera qabel ma jingħata s-servizz.
Dan sabiex is-saħħa tal- klijenti tkun protetta.
X’fażijiet prinċipali tinkludi nutrizzjoni għall-isport?
Nutrizzjoni għall-isport tinkludi tliet fażijiet prinċipali.
L-ewwel fażi hija fejn l-atleta jiekol u jixrob ikel u xorb speċifiku f’ħin iddettat preċiż sabiex jipprovdi l-enerġija neċessarja għal dik l-attivitá partikolari.
Tingħata attenzjoni kbira dwar x’tip ta’ ikel jintgħażel, il-kwantitá kif ukoll kemm se jkun hemm ħin sakemm jasal biex dak l-atleta jagħmel l-attivitá.
Fi sport kompetittiv frekwenti bħalma huwa football jew waterpolo, din hija fażi ta’ sigħat, iżda f’ċertu sport kompetittiv individwali, il-perjodu li fih l-atleta jipprepara dik li ngħidulha bulk-up tal-energija tista’ tibda minn ġranet qabel.
Fit-tieni fazi fejn l-atleta jkun qed jagħmel l-attivitá fiżika, l-għan huwa dak li terġa’ timla l-energija li tinħela kull ftit minuti.
Tingħata attenzjoni kbira lill-hydration tal-ġisem f’dan il-mument, speċjalment f’pajjiż bħal tagħna fejn l-umditá u t-temperatura huma pjuttost għoljin u dan jista’ jżid ir-riskju ta’ deidrazzjoni.
Minħabba li meta joħrog l-għaraq, miegħu joħroġ anke melħ mill-ġisem ninkoraġixxu sostituzzjoni kull ftit ħin li titqies importanti waqt din il-fażi.
Dan ukoll sabiex l-atleta jkompli jsib l-enerġija sabiex jagħti l-massimu tiegħu.
It-tielet fazi hija fejn l-atleta jlesti mill-attivitá fiżika tiegħu. F’dan il-mument huwa rakkommandat li l-atleta jixrob u jiekol xorb u ikel speċifiku sabiex jipprovdi rkupru lill-muskoli bi preparazzjoni għad-darba li jkun imiss. Riċerka turi li din il-fażi hija kruċjali sabiex tipprevjeni injuries.
Għalxiex inkunu qed nirreferu għat-terminu ‘periodization’?
Hekk hu. F’nutrizzjoni għall-isport jidħol ukoll dak li ngħidulu periodization, jiġifieri dak li atleta jiekol u jixrob waqt peak season huwa differenti minn off peak.
Il-kwantitá u t-tip ta’ ikel jinbidel skond il-perjodu li l-atleta jkun fih.
In-nutrizzjonisti jaħdmu f’multidisciplinary team flimkien mal-coaches u l-physical trainer fejn kulħadd jiffoka fuq il-parti li jkun speċjalizzat fiha sabiex l-atleta jingħata l-aħjar gwida possibbli.
X’tikkummenta fuq il-fatt li pajjiżna sena wara l-oħra jakkwista l-ogħla riżultati fejn tidħol il-problema tal-obeżitá?
Riżultati ta’ statistika riċenti reġgħu għal darb’ oħra urew li Malta hija fost l-ogħla pajjiżi bi problemi ta’ obeżitá.
‘Il fuq minn 50% tal-popolazzjoni tagħna għandha piż eċċessiv. Dan jista’ jwassal għal aktar riskju ta’ mard bħalma huwa d-dijabete u problemi ta’ ċirkolazzjoni.
Għaldaqstant, huwa importanti li nkomplu ninkoraġġixxu attivitá fizika u nutrizzjoni tajba għal saħħitna.
Il-parir tiegħi lill-persuni li għandhom piż eċċessiv huwa li jieklu ikel bnin u ġenwin, u li jagħtu ċans lil ġisimhom jitlef il-piż bil-mod il-mod.
Meta tipprova titlef il-piż b’soluzzjonijiet ta’ malajr bħal pereżempju restrizzjonijiet esaġerati, użu ta’ pilloli u saħansitra prodotti ibbottiljati jista’ jkun li tkun qed tagħmel iżjed ħsara u r-riżultat ma jkunx fit-tul.
Dan għaliex il-ġisem għandu bżonn ħinu sabiex verament ikun qed jitlef ix-xaħam u mhux l-ilma jew il-muskolu.
Hemm bżonn li nibbażaw id-dieta tagħna fuq ikel naturali bħall-ħaxix, frott, żejt taz-żebbuġa, ċereali, ħut u laħam b’moderazzjoni. U fuq kollox nikkombinaw dieta bilanċjata ma’ attivitá fiżika.
Kemm huwa importanti li sportiv jibda minn etá żgħira jagħti importanza lil nutrizzjoni xierqa?
Nieħu gost niltaqa’ ma’ tfal li jieħdu l-attivitá sportiva tagħhom b’serjetá u dedikazzjoni kbira anke sa minn etá żgħira.
Tfal li anke jagħtu importanza lill-kwalitá ta’ ikel li jieklu. Nemmen li dan huwa importanti daqs it-tagħlim akkademiku, għaliex l-isport jgħallem dixxiplina, rispett, flessibbiltá, użu tajjeb tal-ħin kif ukoll ħarsien tas-saħħa u prevenzjoni.
It-tfal huma l-ġenerazzjoni li jmiss u t-tama hi li forsi fejn żbaljajna aħna, nippruvaw inrawmu lilhom ħalli jkollna ġenerazzjoni iżjed b’saħħitha.
Hawnhekk, tajjeb li nsemmi lill-coaches ta’ diversi nurseries sportivi li jagħmlu xogħol siewi u utli ħafna.