Saturday, December 21, 2024

Offruti $20 miljun għall-qbid ta’ Iranjan li ried joqtol konsulent ta’ Trump

Aqra wkoll

L-Istati Uniti qed toffri $20 miljun għal min jagħti informazzjoni li twassal għall-arrest ta’ raġel Iranjan akkużat li ppjana li joqtol lil John Bolton, eks Konsulent għas-Sigurtà Nazzjonali ta’ Donald Trump.

Shahram Poursafi, membru tal-Korp tal-Gwardja tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) tal-Iran, huwa akkużat li pprova jimpjega kriminali fl-Istati Uniti u jħallashom $300,000 biex joqtlu lil Bolton, kritiku vokali tal-Iran.

It-tħabbira ta’ din l-offerta saret fl-istess ġimgħa li Trump qal li kien infurmat minn sorsi tal-intelliġenza tal-Istati Uniti li allegatament kien hemm pjan Iranjan ta’ qtil kontrih.

Preċedentement l-Iran ċaħad li orkestra xi kumplotti biex jinqatlu uffiċjali ta’ Trump, jew li jindaħal fl-affarijiet interni tal-Istati Uniti.

Uffiċjali Amerikani jgħidu li minn Ottubru 2021 sa April 2022 Poursafi ipprova jimpjega “elementi kriminali fl-Istati Uniti” biex joqtol lis-Sur Bolton f’Washington DC jew Maryland.
Wieħed mill-assassini potenzjali li Poursafi kkuntattja kien is-sors kunfidenzjali għall-investigaturi tal-Istati Uniti, skont ma’ qal id-dipartiment tal-istat.

Shahram Poursafi allegatament kien wiegħed lill-assassin potenzjali li wara l-qtil ta’ Bolton, “kellu biċċa xogħol oħra ta’ qtil għalih”.

L-allegata motivazzjoni ta’ Poursafi kienet ritaljazzjoni kontra l-Istati Uniti għall-qtil tal-Ġneral Iranjan Qasem Soleimani li kien ordnat minn Trump meta kien President tal-Istati Uniti.

Id-Dipartiment tal-Ġstizzja Amerikan akkuża lil Poursafi bl-allegat pjan ta’ qtil fl-2022. Poursafi baqa’ ma nqabatx iżda uffiċjali Amerikani jgħidu li mhux maħsub li jinsab fl-Istati Uniti.

Il-Viċi President Iranjan Mohammad Javad Zarif, f’intervista ma’ NBC News din il-ġimgħa, ċaħad akkużi li l-gvern Iranjan jipprova joqtol lill-kritiċi tal-Iran barra l-pajjiż.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-kampanja ta’ Trump qalet li rċeviet tagħrif minn sorsi tal-intelliġenza tal-Istati Uniti dwar il-kumplotti Iranjani biex jinqatel Trump.

L-Uffiċċju tad-Direttur tal-Intelliġenza Nazzjonali fil-fatt rrikonoxxa l-informazzjoni iżda rrifjuta li jindirizza xi dettalji speċifiċi.

Trump poġġa fuq is-sit tal-midja soċjali X, li qabel kien Twitter, li hemm “theddid kbir fuq ħajtu mill-Iran.”

Sa issa, l-investigaturi Amerikani ma sabux provi li l-Iran seta kien involut f’wieħed miż-żewġ attentati riċenti ta’ qtil kontra Trump, l-ewwel wieħed waqt rally f’Pennsylvania u t-tieni attentat fil-korsa tal-golf tiegħu fi Florida.

Sadanittant, l-FBI u l-aġenziji tal-intelliġenza tal-Istati Uniti allegaw li hackers Iranjani serqu u ppruvaw iqassmu informazzjoni dwar il-kampanja elettorali ta’ Donald Trump, bit-tama li jdgħajfu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-Istati Uniti qabel l-elezzjoni ta’ Novembru 2024.

Ekonomija

Sport