Monday, April 14, 2025

OHSA testendi l-operat tagħha b’hub f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żaru żewġ kumpaniji Għawdxin li juru impenn għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħhom – FXB Group u Carefree Sofas and Mattresses. Dan biex jimmarka l-ftuħ uffiċjali tal-Hub tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) f’Għawdex.

Matul iż-żjara tiegħu f’Għawdex, il-Ministru Attard enfasizza l-importanza tal-Hub tal-OHSA, u stqarr li dan jirrappreżenta pass vitali ’l quddiem biex jiġu żgurati l-benesseri tal-ħaddiema madwar l-gżira. “Iż-żjara tal-lum hija mmirata biex timmarka pass ieħor importanti lejn titjib konkret fis-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol f’pajjiżna,” qal il-Ministru Attard.

Il-Hub tal-OHSA se jservi bħala preżenza permanenti f’Għawdex, u jagħmel is-servizzi tal-OHSA aktar aċċessibbli għall-komunità lokali. Huwa rrimarka li dan l-uffiċċju se jressaq l-OHSA eqreb lejn in-negozji, l-impjegati u l-pubbliku f’Għawdex. Dan mhux biss jiffaċilita l-komunikazzjoni diretta, iżda wkoll iħeġġeġ rapport aktar b’saħħtu u immedjat bejn l-awtorità u l-komunità.

Il-Ministru Attard enfasizza li l-ftuħ tal-Hub tal-OHSA huwa kruċjali biex tkompli titjieb l-effiċjenza operattiva. Bl-ispetturi bbażati f’Għawdex, l-awtorità tkun tista’ tirrispondi b’mod aktar mgħaġġel għal inċidenti, ilmenti, u talbiet għal informazzjoni. “Dan iwassal għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u għal soluzjonijiet aktar malajr fl-aħjar interess ta’ kull ċittadin,” saħaq il-ministru.

Dan filwaqt li tkellem dwar il-miżuri proattivi li l-Hub tal-OHSA se jimplimenta, inkluż b’aktar spezzjonijiet fil-postijiet tax-xogħol, b’mod speċjali f’siti ta’ kostruzzjoni, faċilitajiet ta’ inġinerija, uffiċċji, fabbriki, u stabbilimenti oħra. Dan bil-għan li tkompli tiġi promossa kultura ta’ prevenzjoni qabel ma jseħħu inċidenti.

Barra minn hekk, il-hub se jservi bħala punt ċentrali għall-immaniġġjar tal-ilmenti, inklużi dawk sottomessi permezz tal-helpline 138. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tagħti vuċi aktar b’saħħitha lill-ħaddiema u li l-ilmenti tagħhom jiġu trattati b’serjetà. L-ispettorat se jkun responsabbli mill-assessjar inizjali, l-ippjanar tal-investigazzjonijiet, u s-segwitu biex tkun żgurata riżoluzzjoni effettiva u f’waqtha.

Il-Ministru Attard enfasizza li l-investiment fil-Hub tal-OHSA se jiffaċilita wkoll il-ġbir ta’ data lokali, li se tkun strumentali fil-ħolqien ta’ kampanji mmirati li jkollhom impatt sinifikanti fuq ir-realtà tax-xogħol f’Għawdex. “Din l-informazzjoni se tkun vitali biex nidentifikaw l-oqsma li jeħtieġu aktar attenzjoni,” saħaq il-Ministru Attard.

Il-ministru fisser il-Hub tal-OHSA f’Għawdex bħala simbolu tal-impenn serju u fit-tul li qed juri l-Gvern fis-settur li diġà qed iħalli riżultati pożittivi. Huwa rrikonoxxa l-importanza tal-OHSA u esprima l-apprezzament tal-Gvern lejn il-bord tal-OHSA, immexxi minn Pierre Fava, u lill-ħaddiema tal-Awtorità mmexxija mill-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Josianne Cutajar.

Il-Ministru Attard enfasizza li r-responsabbiltà tal-Gvern, l-awtorità, u ta’ min iħaddem, mhijiex biss lejn il-ħaddiema iżda wkoll lejn il-familji tagħhom, il-komunità, u l-futur tal-pajjiż. “Li żżomm standards għoljin ta’ kwalità u sigurtà fil-postijiet tax-xogħol mhuwiex biss obbligu legali, iżda wkoll morali,” temm jgħid il-Ministru Attard.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri qal, “Il-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju ġdid tal-OHSA f’Għawdex huwa inizjattiva li tfisser ħafna għalina bħala Gvern u bħala komunità. Din il-miżura hi konformi mal-viżjoni tagħna li noffru servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja b’mod aktar aċċessibbli u effiċjenti għal kulħadd, inkluż għal dawk li jgħixu u jaħdmu f’Għawdex. Il-preżenza ta’ tim dedikat tal-OHSA fil-gżira se tkun ta’ għajnuna konkreta biex titjieb il-kwalità tal-ħajja, jiġu indirizzati l-ilmenti aktar malajr, u jkun hemm infurzar aktar effettiv tar-regolamenti.”

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li l-uffiċċju l-ġdid mhuwiex biss simbolu ta’ viżjoni moderna għal Għawdex, iżda wkoll strument konkret li jsaħħaħ is-sigurtà, il-ġustizzja soċjali u r-responsabbiltà lejn il-ħaddiema. Huwa rringrazzja lil kull min ħadem fuq dan il-proġett, lill-OHSA, lill-Ministru Jonathan Attard, kif ukoll lill-impjegati kollha li se jkunu qegħdin jaqdu dan is-servizz b’dedikazzjoni.

Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Josianne Cutajar irringrazzjat lit-tim kollu fl-awtorità li ħadem fuq dan il-proġett li mhux biss se jkun qiegħed itejjeb l-aċċess għall-Għawdxin, iżda se jkun qiegħed ifisser qabża ta’ kwalità fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà fuq kwalunkwe post tax-xogħol. “Bil-ftuħ uffiċjali tal-Hub f’Għawdex qegħdin nagħtu vuċi aktar b’saħħitha lill-ħaddiema, min iħaddem u lit-terzi biex bl-aktar mod effiċjenti naraw li nassistu fejn mitlub u fl-iqsar ħin possibbli. Il-preżenza konkreta tal-Awtorità f’Għawdex tista’ issa tkun iżjed proattiva bl-interventi tagħha sabiex nimminimizzaw l-inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol”, temmet tgħid Dr Cutajar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport