Il-manager ta’ Manchester United, Ole Gunnar Solskjaer, iddeskriva it-telfa ta’ 5-0 ta’ nhar il-Ħadd kontra Liverpool fil-Premier League bħala ‘l-iktar jum mudlam tiegħu’ bħala manager tar-Red Devils.
Mohamed Salah skorja tliet goals, filwaqt li Naby Keita u Diogo Jota irnexxilehom ukoll isisbu x-xibka, hekk kif it-team ta’ Jurgen Klopp imbarazza lir-rivali eterni tagħhom f’Old Trafford.
Solskjaer ħa r-responsabbiltà sħiħa għat-telfa iżda saħaq li xorta jista’ jdawwar il-fortuni tal-club billi sostna li t-team huwa “wisq viċin li jċedi issa”.
“Mhux faċli ngħid xi ħaġa apparti li hija l-aktar ġurnata mudlama li kelli nmexxi lil dawn il-players. Ma konniex tajbin biżżejjed individwalment u bħala team, ma nistgħux nagħtu dawk iċ-ċansijiet lil team bħal Liverpool iżda sfortunatament hekk għamilna,” qal Solskjaer.
“Il-prestazzjoni kollha ma kinitx tajba biżżejjed. Ħloqna l-ftuħ, kellhom ċansijiet u kienu kliniċi. It-tielet goal iddeċieda l-logħba.
Ir-riżultat ħalla lil Man United, li se jkunu fl-azzjoni barra minn darhom kontra Tottenham Hotspur fi tmiem il-ġimgħa li ġej, fis-seba’ pożizzjoni fil-klassifika tal-Premier League, tmien punti taħt il-leaders Chelsea.