L-ewwel ġurnata fil-pixxina ma setgħetx tkun iktar meraviljuża għall-għawwiema Awstraljani meta mill-erba’ tlielaq li saru huma rebħu żewġ midalji tad-deheb u tnejn tal-fidda.
L-Aussies rebħu d-deheb fiż-żewġ tlielaq tan-nisa u l-fidda fit-tnejn tal-irġiel u għalhekk qed jiddominaw f’wieħed mill-avvenimenti l-aktar għal qalb il-poplu Awstraljan.
Fl-400m freestyle kienet Ariarne Titmus li ħalliet lill-oħrajn warajha meta temmet fil-ħin ta’ 3:57.49 minuti. Il-midalja tal-fidda marret għand il-Kanadiża Summer McIntosh li spiċċat fi 3:58.37 waqt li l-Amerikana Katie Ledecky naqset li żżid it-total tad-deheb tagħha meta kellha tikkuntenta bil-midalja tal-bronż fil-ħin ta’ 4:00.86.
Fir-relay tal-4x100m freestyle kienu t-tfajliet Awstraljani li għamluhom tnejn tad-deheb meta rebħu fil-ħin ta’ 3:29.92 bit-team kien kompost minn Mollie O’Callaghan, Shayna Jack, Emma McKeon u Meg Harris.
L-Istati Uniti ħadu l-fidda fi 3:30.20 waqt liċ-Ċina ħadu l-bronż fi 3:30.30.
Fil-kategorija tal-irġiel saru l-istess avvenimenti bħal tan-nisa fejn fl-400m freestyle kien il-Ġermaniż Lukas Maertens li spiċċa bid-deheb fil-ħin ta’ 3:41.78 bl-Awstraljan Elijah Winnington jieħu l-fidda fi 3:42.21 u Kim Woo-min tal-Korea t’Isfel ħa l-bronż fi 3:42.50.
L-Amerikani rebħu l-unika deheb tagħhom tal-ġurnata meta ħadu l-4x100m freestyle relay fil-ħin ta’ 3:09:28 meta t-team kien magħmul minn Jack Alexy, Chris Giuliano, Hunter Armstrong u Caeleb Dressel.