Dik li kellha tkun avveniment sportiv internazzjonali għal għadd ta’ atleti, inbidlet f’arena ta’ ġlied u tensjonijiet politiċi hekk kif għadd ta’ dimostranti ħarġu fit-toroq ta’ Milan biex jipprotesaw kontra l-qtil mill-uffiċjali tal-immigrazzjoni Amerikani (ICE), l-ambjent u kontra l-qtil ta’ Palestinjani f’Gaża, qtil li laħaq livell katastrofiku ta’ ġenoċidu.
Milan hija l-belt li bħalissa qiegħda tilqa’ l-Winter Olympics 2026 u proprju f’dan l-avveniment popolari, gruppi pro Palestinjani organizzaw protesti kbar. Dawn qegħdin jitolbu l-“irtirar ta’ Iżrael mill-Logħob tal-Olimpjadi”. F’dawn il-protesti qalila d-dimostranti huma rrapportati li tefgħu bombi tal-gass u logħob tan-nar lejn il-pulizija b’dawn tal-aħħar jirrispondu b’gass tad-dmugħ u ilma sparat bil-kanuni. Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru Giorgia Meloni, ikkundannat dawn il-protesti u sejħet lid-dimostranti “għedewwa tal-Italja”.
Dawn il-protesti minn folla li kienet diġà qiegħda tipprotesta kontra kwistjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali relatati mal-Logħob, qegħdin juru lid-dinja li l-movimenti ta’ solidarjetà għall-kawża Palestinjan qegħdin isiru parti mid-diskors pubbliku Ewropew.
Protesti konġunti
Skont stimi u rapporti lokali, madwar 10,000 persuna nġabru mhux biss biex jilmentaw dwar l-impatt ekonomiku u ekoloġiku tal-Olimpjadi iżda wkoll, biex jesprimu solidarjetà mal-moviment Palestinjan. L-għajta hija li Iżrael jitneħħa mill-Olimpjadi.
Dan il-fenomenu huwa parti minn tendenza usa’ f’pajjiżi Ewropej fejn protesti favur il-kawża Palestinjana qegħin jinfirxu u jissaħħu b’xi drabi jkunu marbuta ma’ kwistjonijiet oħra fosthom id-drittijiet tal-immigranti, kritika ta’ politika ekonomika u ħsara ambjentali. Rapporti qabel il-protesti f’Milan qalu li saret talba minn gruppi għal bidla fil-politika barranija dwar Gaża u anke ħarġu bi slogans ta’ “Palestina libera”.
Mill-perspettiva tal-partijiet li jiddominaw il-diskors uffiċjali, tali protesti jpoġġu pressjoni politika fuq gvernijiet Ewropej biex jirrevedu l-pożizzjoni tagħhom dwar konflitt bejn Iżrael u l-Palestina. F’dawn il-movimenti, hemm numru kbir ta’ gruppi u attivisti involuti fuq quddiem, b’mod speċifiku, organizzazzjonijiet bħall-Palestinian Youth Movement, grupp pro-Palestinjan internazzjonali li jiffoka fuq solidarjetà u drittijiet Palestinjan. Dawn joperaw f’diversi reġjuni u pajjiżi biex iwasslu l-messaġġ tagħhom.
Reazzjoni uffiċjali u konsegwenzi
Il-reazzjoni mill-awtoritajiet ma setgħetx tonqos b’Meloni u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC) jikkundannaw bil-qawwi ż-żieda ta’ vjolenza u sabotaġġ. Filwaqt li dawn enfasizzaw li l-protesti għandhom jibqgħu paċifiċi, Meloni saħqet li dawk li qegħdin iqajmu l-inkwiet u l-ġlied f’Milan qegħdin ixekklu l-Logħob fejn fakkret li l-għan wara l-Olimpjadi huwa dak ta’ paċi u għaqda.
F’dan il-kuntest, il-kritika tal-parteċipazzjoni ta’ Iżrael hija partikolarment relevanti abbażi l-konsiderazzjonijiet dwar il-politika barranija. Minkejja li l-Olimpjadi, kif saħqet Meloni, suppost jirrappreżentaw l-għaqda u l-paċi, l-atleti Iżraeliti qegħdin jirrappreżentaw nazzjon li qrati internazzjonali sabu ħati ta’ ġenoċidju.
It-toroq bħala stat ta’ opinjoni pubblika
Finalment, il-fenomenu tal-protesti f’Milan mhuwiex biss jirrifletti sentimenti reġjonali, iżda ħjiel ta’ bidla fil-diskors pubbliku globali fejn il-kwistjonijiet tal-ġustizzja umanitarja u d-drittijiet tal-bniedem qegħdin jingħaqdu ma’ kwistjonijiet ta’ politika sportiva u kultura. Dan qiegħed iwassal biex logħob sportiv internazzjonali jservi mhux biss bħala avveniment kulturali, iżda wkoll bħala forum fejn il-problemi ġeopolitiċi u soċjali jmorru lil hinn mill-istadiums u l-areni.

