Friday, December 13, 2024

Olimpjadi tax-Xitwa: Jenise Spiteri ttemm fil-21 post fis-snowboard

Aqra wkoll

L-unika atleta Maltija li qed tieħu sehem fl-Olimpjadi tax-Xitwa li qed isiru f’Beijing, iċ-Ċina, Jenise Spiteri, spiċċat fil-21 post minn 22 atleta fir-round ta’ kwalifikazzjoni tas-dixxiplina tas-Snowboard Half-Pipe li saret fil-Yunding Snow Park ta’ Zhangjiakou City.

B’hekk hija falliet li tgħaddi għar-round finali li se ssir illum fejn fost l-atleti li ħadu sehem fil-grupp tagħha li ġejjin minn pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Kanada hija Chloe Kim li fl-aħħar Logħob li saru f’PyeongChang fl-2018 kienet rebħet il-midalja tad-deheb għall-Istati Uniti.

Infatti Kim spiċċat l-ewwel fil-kwalifikazzjo­ni bil-11 l-oħra li għamluha għall-finali ġejjin mill- Ġappun u miċ-Ċina, tlieta kull wieħed, tnejn mill- Kanada, u waħda kull wieħed minn Spanja, il- Ġermanja u l-Isvzzera.

Spiteri, li twieldet f’San Francisco, Kalifornja,  għandha missier Malti u omm Amerikana bin-nanniet huma mill-Ħamrun.

Fl-ewwel round, Spiteri, ta’ 29 sena, kisbet 7.25 punti meta fl-aħħar tal-prova waqgħet. Iżda fit-tieni round marret xi ftit aħjar meta ngħatat 25.25 punti u b’hekk spiċċat fl-21 post quddiem iċ-Ċiniża Shao­ting Wu li kisbet 10.25 u 16.75 punti fejn il-pożiz­zjonijiet jiġu determinati bl-iktar punteġġ għoli. 

Din hija t-tielet parteċipazzjoni ta’ Malta f’dawn l-Olimpjadi wara Sochi 2014 u Pyeong Chang 2018.

Il-kontestanti jwettqu tricks akrobatiċi fl-ajru waqt li jiġru f’korsa forma ta’ U u jingħataw il-punti fuq id-diffikultá u d-dimenzjonijiet tal-ġirjiet rispettivi tagħhom.

LUGE

Tobias Wendl u Tobias Arlt tal-Ġermanja rebħu t-tielet midalja tad-deheb konsekuttiva fid-doubles tal-luge li anke għandhom tliet titli tad-doubles tad-dinja u ilhom jikkompetu flimkien mindu kellhom 13-il sena. Huma kisbu r-rebħa f’56.554.

Din hija l-aħħar kapitlu għall-wirt inkredibbli talleġġendi tal-luge meta din hija l-ħames deheb   Olim­pika tagħhom wara t-trijonfi fir-relay tat-timi­jiet f’Sochi u Pyeong Chang, u għad jistgħu jirbħu s-sitt waħda meta llum issir r-relay tat-timijiet.

Anke l-midalja tal-fidda ntrebħet mill-Ġermaniżi, To­ni Eggert u Sascha Ne­nec­ken waqt li l-bronż mar­ret għand l-Awstrijaċi Thomas Steu u Lorenz Koller.

SNOWBOARD CROSS

Sittax-il sena wara li fallielha trick li swielha t-titlu tas-snowboard cross tan-nisa f’Turin 2006, finalment Lindsey Jacobellis reb­ħet il-midalja tad-deheb.

Il-veterana ta’ 36 sena llidjat mill-bidu sat-tmiem biex tat l-ewwel midalja tad-deheb lil Team USA f’Beijing 2022 quddiem Chloe Trespeuch u Meryeta Odine biex saret l-iktar snowboarder anzjana li reb­ħet midalja Olimpika.

Għaldaqstant wara li l-waqgħa sfortunata f’Turin swietilha midalja tad-deheb, is-super stilla tas-snowboard cross finalment telgħet fil-quċċata tal- podju għal Team USA.

SHORT TRACK

SPEED SKATING

Hwang Dae-heon tal-Korea t’Isfel, rebaħ il-midalja tad-deheb fix-short-track speed skating tal-1,500m.

Il-midalja tal-fidda marret għand il-Kanadiż Steven Duois waqt li dik tal-bronż marret għand Semen Elistratov tar-Russian Oly­m­pic Committee.

SNOWBOARD PARALELL

SLALOM

Ester Ledecka tar-Repubblika Ċeka, tinsab fit-triq li tikseb double uniku wara li żammet it-titlu tas-snowboard paralell slalom bl-atleta ta’ 26 sena saret l-ew­wel mara li rebħet id-deheb fi sport differenti fl-istess Logħob meta hija kisbet it-titlu tas-Super-G fi Pyeongchang 2018.

Nhar it-Tlieta hija reġ­għet rebħet l-istess avveni­ment u għada se timmira għal titli konsekuttivi.

L-Awsrijaka Daniela Ulbing ħadet il-midalja tal-fidda fit-tellieqa snowboard ta-nisa waqt li Gloria Kotnik tas-Slovenja rebħet il-bronż.

Ekonomija

Sport