L-attakkant veteran ta’ AC Milan, Olivier Giroud, mistenni jġedded il-kuntratt tiegħu għallinqas għal staġun ieħor. Hu kważi kważi qed jagħti ħjiel li jista’ jtemm il-karriera bil-flokk Rossonero minħabba li jinsab ferm għal qalbu fil-belt tan-naħa ta’ fuq tal-Italja.
Hu meqjus ukoll mill-plejers sħabu bħala leaders u wara li skorja 11-il gowl fl-istaġun li għadda, bħalissa għandu tmien gowls favurih filwaqt li wettaq 10 assists.
F’kumment li ħalla fuq il-profil tiegħu fuq Twitter, Giroud irringrazzja lill-partitarji Rossoneri li dejjem kienu miegħu u wiegħdhom li jibqa’ jkun ta’ servizz għall-klabb.
Giroud ilbieraħ sab ix-xibka kontra Napoli sabiex għen lil Milan jikkwalifikaw għas-semifinali tal-UEFA Champions League.