It-theddida għas-saħħa pubblika fuq skala mondjali mill-pandemija tal-Covid-19 ilha għal dawn l-aħħar sentejn tiddistabbilizza l-ekonomiji, tagħmel pressjonijiet kbar fuq is-sistemi tas-saħħa u twerwer lill-popolazzjonijiet. Il-virus li daħal fir-raba’ mewġa tiegħu f’diversi pajjiżi kkawża l-mewt ta’ ħames miljun u kwart persuna, għal darb’oħra evolva f’varjant ġdid – l-Omicron. Dan il-varjant, meqjus “ta’ tħassib imma mhux ta’ paniku” mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Ġnus Magħquda diġà daħal u qiegħed jiċċirkola fil-kontinent tagħna, kif ukoll fl-oħrajn.
Il-Belġju kien l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li rrapporta każ tal-varjant Omicron wara li vjaġġatur irritorna mill-Eġittu. Warajh, il-Ġermanja, id-Danimarka, ir-Renju Unit, l-Italja, Franza u r-Repubblika Ċeka wkoll irrapportaw infezzjonijiet bil-varjant il-ġdid. Mentri 13-il persuna fuq titjira li waslet fil-kapitali Olandiża rriżultaw ukoll pożittivi għall-Omicron. B’kollox jingħad li 56 pajjiżi imponew restrizzjonijiet fl-ivjaġġjar bil-għan li jevitaw tixrid tal-Omicron hekk kif instabu infezzjonijiet tal-varjant f’24 pajjiżi differenti.
Varjant ġdid… inkwiet ġdid
Omicron instab għall-ewwel darba fil-Botswana, għalkemm l-Erbgħa ħarġet l-aħbar li dan il-varjant kien preżenti fl-Olanda qabel ma’ kien irrappportat mill-Afrika t’Isfel. Ftit nafu dwaru tant li l-qasam mediku ma jafx jekk jinxteredx aktar malajr jew jekk it-tilqim preżenti huwiex effettiv kontrih. Dan minħabba li tant inbidel li jista’ jkun li kapaċi jiskappa d-difiżi immunitarji tal-ġisem.
Ħafna mill-infezzjonijiet ta’ dan il-varjant ġdid bdew fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Afrika iżda hemm biża’ li Omicron seta’ nfirex ħafna aktar qabel ma x-xjenzati saru jafu bl-eżistenza tiegħu. L-aqwa virologi tad-dinja wissew li dan il-varjant, li għall-bidu ngħata l-isem ta’ “B.1.1.529” huwa ta’ tħassib u li, “probabbilment diġà nfirex mad-dinja kollha, iżda ma nafux fiċ-ċert”. Andrew Pekosz, epidemologu mill-Johns Hopkins Bloomberg School of Public Health, f’intervista man-New York Times fl-opinjoni tiegħu wkoll, l-Omicron ilu jinxtered minn pajjiż għall-ieħor għal dawn l-aħħar 15-il jum.
“Mill-ewwel evidenza jidher li fl-Unjoni Ewropea dan il-varjant se jinfirex b’rata mgħaġġla” – ECDC
Dan il-varjant għandu bidla kbira fil-kompożizzjoni tiegħu fejn jidħlu l-proteini f’forma ta’ spike, dik li nafuha bħala l-kuruna tal-virus. Jingħad li x-xjenzati jaħsbu li preżentament hemm mill-inqas 32 bidla fil-kuruna tiegħu u dan qiegħed iwassal għal biża’ li l-Omicron jiflaħ għat-tilqim u kapaċi jinfirex aktar malajr. Bħalissa għad m’hemmx biżżejjed tagħrif fuq dan il-varjant u d-WHO ħabbret li jridu jgħaddu numru ta’ ġimgħat biex ikunu jafu x’impatt dan se jħalli.
Preżentament il-varjant “Delta”, li l-ewwel każ tiegħu ġie rrapportat fl-Indja, huwa l-aktar wieħed dominanti fid-dinja. Dan il-varjant tal-Covid-19 jinfirex aktar malajr minn dak oriġinali minħabba li l-proteina spike tiegħu adattat ruħha biex tidħol aktar faċilment fiċ-ċelloli umani. Id-“Delta” ġie kklassifikat bħala ta’ tħassib mid-WHO madwar xahrejn wara li nstab mentri Omicron ingħata din il-klassifikazzjoni 72 siegħa biss wara.
Fejn hemm Omicron?
Dan il-varjant beda mill-Afrika t’Isfel bi 22 każijiet pożittivi kkonfermati mill-Istitut Nazzjonali tal-Mard (NICD) u b’pazjenti oħra li kienu għadhom qegħdin jistennew ir-riżultat tat-testijiet. Mill-Ħamis, 25 ta’ Novembru, Omicron instab ukoll fil-Botswana u Hong Kong. Fil-każ ta’ Hong Kong, dan kien vjaġġatur mill-Afrika t’Isfel.
Il-Ġimgħa, 26 ta’ Novembru, ġie kkonfermat l-ewwel każ fl-Ewropa – fil-Belġju. Uffiċjali ħabbru li dan kien instab f’persuna li rritornat mill-Eġittu. Iżrael fl-istess jum ħabbar l-ewwel każ ta’ dan il-varjant fil-pajjiż minn persuna li vvjaġġat lura minn Malawi.
Sal-Ħadd li għadda Omicron infirex aktar madwar il-globu fejn instab f’diversi pajjiżi Ewropej kif ukoll fl-Awstralja, fl-Iżrael u fil-Kanada. Il-Ġappun għadha trid tikkonferma jekk għandhiex xi każijiet tal-varjant il-ġdid filwaqt li qiegħda tanalizza każ li fih hemm involuta persuna li daħlet fuq titjira minn Namibia.
L-aħħar pajjiżi li rrapportaw każijiet ta’ dan il-varjant huma l-Istati Uniti, in-Niġerja, in-Norveġja, is-Sawdi Arabja u l-Korea t’Isfel, New South Wales u l-Indja.
Jingħalqu konfini u jibdew restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar…
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Kummissjoni tal-Ewropa Ursula von der Leyen qalet li “għaddejja tellieqa kontra l-ħin” biex tkun indirizzata l-problema tal-varjant Omicron. Ħafna pajjiżi qegħdin jagħlqu l-konfini u jerġgħu jimponu restrizzjonijiet bil-għan li jwaqqfu t-tixrid ta’ dan il-varjant ġdid tal-Covid-19.
Stati membri tal-Unjoni Ewropea fi tmiem il-ġimgħa l-oħra għalqu l-konfini tagħhom għall-persuni ġejjin minn seba’ pajjiżi fl-Afrika t’Isfel – il-Botswana, Eswatini, Lesotho, Mozambique, Namibia, l-Afrika t’Isfel u Zimbabwe. Dan wara twissija miċ-Ċentru għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard Infettiv (ECDC) li qalet li mill-ewwel evidenza jidher li fl-UE dan il-varjant se jinfirex b’rata mgħaġġla. Dawn ir-restrizzjonijiet tħaddnu wkoll mill-Kanada u mill-Istati Uniti.
Fir-Renju Unit, sadanittant, il-Prim Ministru Boris Johnson ħabbar li minkejja li għandhom tmien każijiet ikkonfermati tal-varjant il-ġdid, mhuwiex se jwaqqaf lin-nies milli jivjaġġjaw basta min jidħol fil-pajjiż irid jagħmel PCR test sa jumejn wara li jasal u li jagħmel kwarantina sakemm jingħata riżultat negattiv. Barra minnhekk, is-Segretarju tal-Istat Ingliż għall-Kura Soċjali u tas-Saħħa, Sajid Javid, ħabbar li l-Malawi, Angola u ż-Zambia żdiedu mal-lista l-ħamra tal-pajjiż flimkien ma’ dawk li l-blokk Ewropew għalqu l-konfini tagħhom għalihom.
F’Iżrael, pajjiż li għadu kemm ħareġ mir-raba’ mewġa tal-pandemija fejn kien irreġista waħda mill-ogħla rati ta’ infezzjonijiet ġodda f’jum wieħed minħabba l-varjant Delta, beda eżerċizzju bl-isem “Omega” biex jipprepara ħalli jilqa’ għall-varjant ġdid Omicron. Il-politika ġdida ta’ dan il-pajjiż issa hija li jżommu l-ekonomija miftuħa kompletament u li jevitaw il-lockdowns imma fl-istess ħin isiru kontrolli riġidi ħafna mal-konfini.
Turisti barranin ma jistgħux jidħlu għal mill-inqas 14-il jum b’eżenzjoni għal każijiet urġenti umanitarji. L-Iżraeliti jridu jagħmlu test PCR mal-wasla fl-ajruport u jagħmlu tlett ijiem kwarantina sakemm ikollhom riżultat negattiv ieħor. Ċittadini mhux imlaqma awtomatikament huma mitluba jagħmlu kwarantina ta’ sebat ijiem.
Dawk li jirritornaw fl-Iżrael minn pajjiżi fil-lista l-ħamra iridu jmorru fi kwarantina f’lukanda sakemm jirċievu riżultat negattiv li jagħmlulhom fl-ajruport. Wara jitħallew imorru kwarantina ta’ sebat ijiem d-dar sakemm jagħmlu test ieħor.
Sigħat wara li Iżrael ħabbar dawn il-miżuri, il-Marokk qal li mhux se jħalli persuni jidħlu fil-pajjiż, inklużi ċittadini minn tiegħu għal ġimgħatejn sħaħ, restrizzjonijiet li bdew mit-Tnejn li għadda. Il-Ġappun mit-Tnejn ukoll, waqqaf lit-turisti kollha milli jidħlu fil-pajjiż għajr għal dawk li jgħixu hemm. L-Isvizzera ordnat li passiġġieri barranin iridu juru test negattiv għall-coronavirus u jagħmlu kwarantina ta’ għaxart ijiem.
Il-miżuri mill-Ġappun, l-Iżrael u l-Marokk huma aktar agressivi minn dawk meħuda mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit, mill-Kanada u mill-Unjoni Ewropea li ħabbru restrizzjonijiet fuq persuni li jivvjaġġaw minn pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Afrika biss.
L-Indoneżja żdiedet ma’ xi pajjiżi oħra li mhux qegħdin idaħħlu persuni minn Hong Kong wara li dan tal-aħħar kellu żewġ każi ta’ Omicron ikkonfermati.
Aqra iktar: X’nafu dwar il-varjant Omicron?