Friday, December 20, 2024

Omm bl-AIDS teħel sitt xhur ħabs fuq dokumenti foloz

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tfajla ta’ 21 sena mill-Guinea ġiet ikkundannata sitt xhur ħabs wara li ammettiet li kellha fil-pussess tagħha dokumenti foloz u ippruvat issiefer bihom.

It-tfajla, li tgħix Birżebbuġa, daħlet fl-awla b’tarbija ta’ seba’ xhur f’ħoġorha bil-Maġistrat Rachel Montebello tgħidilha biex tħalliha ma’ ‘social worker’ barra.

Wara li ammettiet li kellha dokumenti foloz, l-imsemmija maġistrat talbet lill-prosekuzzjoni u lid-difiża biex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom qabel tagħti l-piena kif jiġri s-soltu.

L-Ispettur Karl Roberts semma li t-tfajla għandha karattru diffiċli fejn ħebbet għal immigranta oħra bi flixkun u ikkaġunatilha ġrieħi fil-pexxul waqt li semma kif għandh l-AIDS u meta rawlha t-telefon ċellulari sabu li kien hemm diversi messaġġi ma’ għadd ta’ rġiel.

Wara li l-Avukat Fransina Abela nfurmat lill-imsemmija maġistrat li kienet se tħalli f’idejha għas-sentenza din tal-aħħar staqsitha jekk kinietx se tagħmel xi sottomissjoni partikolari minħabba li l-omm għandha t-tarbija.

L-Avukat Abela weġbitha li ma kinitx għamlet hekk għax taħseb li iktar ikun aħjar għat-tarbija jekk ma tibqax fil-kustodja ta’ ommha.

Wara li semgħet dan il-Maġistrat Montebello ikkundannat lit-tfajla għal sitt xhur ħabs bit-tarbija tittieħed minn ‘social worker’ biex issa l-Istat irid jara fejn se jżommha u min se jieħu ħsiebha.

Ekonomija

Sport