Kif mistenni, bosta persuni nġabru fi pjazza Kastilja biex ifakkru l-memorja ta’ JeanPaul Sofia u persuni oħra li tilfu ħajjithom f’inċidenti fuq il-post tax-xogħol.
Fl-aħħar sigħat il-paġna ‘Għal JeanPaul’ għamlitha ċara li din il-velja se tkun waħda li tfakkar lil dawn il-vittmi u li mhux se jsiru diskorsi għajr minn xi persuni qrib il-mibki JeanPaul.

Ma setax jonqos li mal-wasla tagħha fuq il-post Isabelle Bonnici kienet milqugħa b’ċapċipa li dwiet il-post u spikkaw ix-xemgħat f’idejn dawk preżenti. Fil-kummenti tagħha waqt il-velja, Isabelle Bonnici qalet li l-Prim Ministru kien iltaqa’ magħha u ma’ missier Jean Paul u avżahom li se ssir inkjesta pubblika. “Ħassejtni kuntenta li l-Prim Ministru sema’ l-polz tal-poplu u tal-familja tagħna,” qalet Isabelle. Hija għamlitha ċara li f’din il-velja ma kellhiex tiddaħħal politika u li l-unika kulur huwa dak tal-imħabba. Kompliet billi rringrazzjat lill-Prim Ministru, lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lil dawk kollha li tawha l-appoġġ f’din il-mixja biex “wasalna s’hawn.”

Fost dawk preżenti għall-velja hemm l-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union li fi stqarrija aktar kmieni qalet li għaliha kull ħaddiem huwa ugwali u tistenna li kull ħaddiem li joħroġ għall-ħobża ta’ kuljum jirritorna qawwi u sħiħ ma’ familtu.
