Mary-Anne Grech, omm li mietet traġikament fl-Awstralja fis-7 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet, fl-aħħar jiem il-fdalijiet tagħha nġiebu Għawdex fejn anke ngħatat l-aħħar tislima.
Kien żewġha li wera x-xewqa li Mary-Anne wara li tiġi kremata tinġieb Għawdex biex fil-Knisja Arċipretali tal-Qala tkun tista’ tingħata l-aħħar tislima kif fil-fatt sar il-ġimgħa li għaddiet.

Żewġha Daniel Cutajar fuq il-midja soċjali kiteb li l-familja tiegħu kienet se tkun qiegħda tagħti l-aħħar tislima lil martu nhar il-Ħamis 7 ta’ Awwissu. “Din hija d-data tat-twelid ta’ Mary-Anne… li issa din il-ġurnata se tibqa’ titfakkar b’mod differenti, b’qalbna mimlija mħabba u gratitudni,” kiteb Daniel.
Dan l-inċident kien ixxokkja lil bosta Melbourne fl-Awstralja tant li anke ġie rrapportat mill-midja internazzjonali.
Jirriżulta li Mary-Anne kienet qiegħda ssuq il-vettura tagħha fit-triq M80 Ring Road in St Albans meta biċċa metall kbira waqgħet minn fuq trakk u ġiet fuq il-karozza tagħha. L-omm ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Uffiċjali tal-Pulizija qalu lill-midja Awstraljana li l-ħadida kienet twila madwar metru u waqgħet eżatt fuq il-karozza tagħha. Is-sewwieq tat-trakk hekk kif waqgħtlu l-ħadida baqa’ jsuq u skont investigazzjonijiet li saru hu saq lejn Altona.
Uffiċjali tal-Pulizija dakinhar tal-inċident qalu li huma qegħdin jitolbu l-għajnuna tal-pubbliku hekk kif jixtiequ li jitkellmu ma’ sid it-trakk.

Mill-ewwel bdew jinkitbu diversi messaġġi fuq il-midja soċjali, kemm appelli biex jinstab is-sewwieq kif ukoll messaġġi ta’ kondoljanzi. Grech għandha l-familja tagħha tgħix il-Qala Għawdex, iżda ilha tgħix l-Awstralja għal snin twal ħafna tant li hemm għandha familja oħra.
“Ma nistax nemmen din l-aħbar… kienet mara wisq sabiħa… strieħ fis-sliem għal dejjem,” kiteb persuna fuq il-midja soċjali hekk kif mal-Awstralja kollha u anke ma’ Għawdex kienet ġriet l-aħbar li Grech kienet tilfet ħajjitha traġikament.