Anzjana li f’ħajjitha ma kien fadlilha lil ħadd kienet ilha 69 sena taħseb li t-tarbija tagħha mietet fit-twelid iżda wara dawn is-snin kollha, b’sorpriża kbira, hija semgħet leħen bintha jgħidlha “ma… m’inix mejta”.
Grazzi għal testijiet tal-ġenetika li ma jiswewx ħafna flus, fl-Istati Uniti l-persuni li kienu adottati fi ċkunithom qegħdin ikunu jistgħu jsibu lill-qraba tagħhom aktar faċilment. Waħda minn dawn il-każijiet hija mara bl-isem ta’ Connie li bħala rigal tal-Milied għaliha nnfisha ordnat test tad-DNA li tagħmel id-dar.
Hija kienet adottata u qatt ma kienet saret taf minn hija ommha proprja. Minħabba li l-età tagħha hija ta’ aktar minn 60 sena, il-probabbiltà li ssib lil ommha ħajja kienet waħda minima. Minkejja dan, Connie riedet tagħmel l-almu kollu tagħha biex issir taf dak kollu possibbli, inkluż l-għeruq tagħha.
Grazzi għar-riżultati tad-DNA din il-mara rnexxielha ssib kuġina fejn din tal-aħħar qaltilha isem ommha u li din għadha ħajja. Connie saret taf li ommha jisimha Genevieve Purinton u li tgħix f’dar tal-anzjani 15-il mil ‘il bogħod. Purinton għandha l-età sabiħa ta’ 88 sena iżda kienet waħidha u bla familja minħabba t-tmien ħutha li kellha kienu kollha mejtin.
L-anzjana mingħaliha li ma kellhiex tfal minħabba li snin qabel kellha tumur fl-utru u kellha tneħħih f’operazzjoni li saritilha biex issalva ħajjitha. Genevieve kienet weldet tarbija waħda lura fl-1949 fl-Indiana – tifla – imma kienu qalulha li mietet fit-twelid. Dawk iż-żminijiet l-affarijiet kienu differenti. Genevieve kellha biss 18-il sena u ma kinitx miżżewġa meta t-tarbija ġiet f’din id-dinja. Meta hija talbet biex tara u żżomm lit-tarbija f’idejha kienu qalulha li bintha mietet fit-twelid.
Genevieve qatt ma rat lit-tarbija tagħha u għaddew 69 sena sakemm skopriet li kienu gidbulha. Connie rnexxielha ssib l-indirizz ta’ ommha u vvjaġġat distanza twila biex tmur tgħidilha personalment li hija m’hiex mejta.
Issa Genevieve m’għadhiex waħidha f’din id-dinja. Hija mhux biss għandha bint adulta, iżda għandha wkoll neputijiet u pro neputijiet. F’daqqa waħda din l-anzjana reġgħet għandha familja kbira li tista’ tħobb u tgawdi.