Omm ta’ raġel Iżraeljan li ttieħed mill-Ħamas wara l-attakki tas-7 t’Ottubru tal-2023, qalet li għadha ma tafx jekk binha hux ħaj jew mejjet, iżda tittama li l-pjan ta’ paċi li ppreżenta l-President tal-Istati Uniti Donald Trump se jwassal biex jiġu rilaxxati l-ostaġġi kollha li għadhom miżmuma f’Gaża.
F’kummenti ma’ BBC News, Herut Nimrodi qalet li kienet qed tinkwieta ħafna għal binha Tamir, iżda esprimiet it-tama li huwa għadu jżomm sod sentejn wara li nħataf. Hija qalet ukoll li hu kien l-uniku ostaġġ Iżraeljan li l-familjari tiegħu ma ngħatawx informazzjoni dwar jekk hux ħaj jew mejjet.
Il-pjan ta’ paċi propost minn Trump kompla jingħata aktar importanza, b’taħditiet indiretti li komplew fis-sigħat li għaddew bejn il-Ħamas u l-Iżrael bil-għan li tiġi fi tmiemha din il-gwerra u jiġu rritornati l-ostaġġi.
“Ilhom ħafna jipprovaw jilħqu ftehim iżda s’issa baqa’ ma mmaterjalizzax. Issa s-sentiment huwa wieħed differenti,” qalet Nimrodi. “Hemm it-tama vera li dan hu l-ftehim”.
Nimrodi saħqet ukoll li huwa improtanti li l-ostaġġi kollha – ħajjin u mejtin – jiġu rilaxxati fl-ewwel fażi tal-pjan. “Dan hu xi ħaġa kbira, dan hu barka għalina,” hija qalet.
“Huwa urġenti li jiġu rilaxxati l-ostaġġi – dawk li għadhom ħajjin, u anke dawk li mietu. Ma nafux f’liema stat huma l-katavri tagħhom. Irridu nirripatrijawhom biex il-familji jkollhom xi tip ta’ serħan il-moħħ. Anke l-familji li ġew infurmati li l-għeżież tagħhom mietu, ma jistgħux jaċċettawha għaliex għandhom bżonn prova.”