Wednesday, August 13, 2025

Omm taħfer lil binha wara li aggrediha bil-kundizzjoni li jitlaq mid-dar tagħha

Aqra wkoll

Xan Muscat, ta’ 19-il sena residenti Tal-Pietà, ġie akkużat li attakka lil ommu b’arma kif ukoll akkużat b’ theddid, u insulti kontra ommu, kif ukoll li kkawżalha biża’ li se tintuża’ vjolenza kontriha.

Hu kien mixli wkoll li wettaq dan ir-reat meta kien waqt probation, kif ukoll li kien seraq mutur Kymco mill-Birgu f’Ġunju li għadda.

Il-Prosekuzzjoni qalet li kienet omm l-imputat li informat lill-uffiċjal tal-probation tiegħu li hija kienet attakkata mill-istess iben. Allegatament hu attakka lill-ommu b’sikkina kif ukoll uża squeezer biex jheddidha.

Mistoqsi mill-Qorti x’jaħdem Muscat wieħed li jaħdem bħala Assistent Chef. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih filwaqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest.

L-imputat informa lill-avukat tiegħu li ommu kienet tixtieq li taħfirlu u waqqa’ l-proċeduri kontrih, iżda l-Qorti qalet li ridet tisma’ dan il-kliem mingħand l-allegat vittma stess. L-Ispettur Daniela Hailey qalet li kienet tkellmet mal-omm aktar kmieni fl-ġurnata, u nfurmata li binha kien se jiġi mixli fil-Qorti iżda hi qaltilha li ma tixtieqx tkun preżenti fl-awla.

Iżda wara ftit ħin, fl-awla daħlet omm l-imputat u qalet li kienet lesta twaqqa’ l-każ kontra binha, bil-kundizzjoni li jitlaq mid-dar. Quddiem il-Maġistrat qalet li hu għandu l-età tiegħu u jista’ jaħdem u jikri post jekk irid. Għal dan il-kliem l-imputat infaqa’ jibki.

Il-Qorti staqsiet lill-omm jekk hemmx membri oħra tal-familja li huma lesti li jilqgħu lil Xan Muscat, u hija wieġbet li l-ħuh ikbar minnu joqgħod magħha, filwaqt li ħuh l-ieħor jgħixu ma’ omm it-tfajla tiegħu.

Min-naħa tiegħu d-difiża qalet li l-familja qatt ma kienet tgħix fil-paċi, u issa l-imputat jinsab fit-triq biex jgħix ħajja aħjar u għalhekk il-Qorti għandha tikkonsidra dan kollu. Qal li jekk l-imputat se jibqa’ jinżamm arrestat allura kien se jitlef ix-xogħol tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-akkużi u l-fatt li l-akkużat m’għandux indirizz stabbli. Għal dan ir-raġuni, il-Qorti ddeċidiet li tkompli l-proċedura legali kontra Muscat, peress li l-omm kienet ħafritlu imma b’kundizzjoni.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-omm. L-akkużat kien rappreżentat mill-avukati Tonio Grech u Claudio Borg, filwaqt li l-prosekuzzjoni kienet mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport