Omm u tarbija kienu fost is-sitt immigranti li fl-aħħar sigħat mietu fil-Mediterran. Mill-inqas 3 dgħajjes b’mijiet ta’ immigranti fuqhom għerqu fil-Mediterran fejn il-Gwardji tal-Kosta Taljana mexxew operazzjoni biex isalvaw kemm jista’ jkun minnhom.
Ma’ dawn wieħed irid iżid ukoll dgħajsa oħra li għerqet ‘il barra mill-gżira Kerkennah fit-Tuneżija fejn mill-inqas 4 immigranti ġew ikkonfermati mejtin filwaqt li 51 oħrajn s’issa għadhom ma nstabux.
Is-sitwazzjoni fil-Mediterran bħalissa hija waħda ftit tal-biża’ minħabba li mijiet ta’ immigranti qegħdin jitilqu mill-Afrika t’Fuq bit-tama li jsibu ħajja aħjar fl-Ewropea. Sfortunatamet mhux kollha qegħdin jirnexxilhom jaslu l-Italja jew f’pajjiżi fil-Mediterra bil-konsegwenza li qegħdin imutu ħafa nies.
Dwar il-każ tal-omm u tarbija ta’ sena, il-Gwardji tal-Kosta Taljana qalu li huma ġew iddentifikati u jistgħu jikkonfermaw li huma mill-Kosta tal-Ivorju. Fuq l-istess dgħajsa magħhom kien hemm numru kbir ta’ persuni u apparti dawk li ġew salvati baqa’ 30 immigranti li s’issa għadhom neqsin.
Nhar il-Ġimgħa fil-Mediterran ukoll instabu mill-inqas 10 katavri jidher li dawn kienu fuq dgħajsa, iżda minħabba r-riħ qawwi li ħakem lill-Mediterra, l-istess dgħajsa nqalbet. Minħabba li din id-dgħajsa nstabet tinġarr mal-mewġ, ħadd ma jaf eżatt l-ammont ta’ persuni li kien hemm fuqha.
Il-Gwardji tal-Kosta Taljana nhar is-Sibt salvaw 57 immigrant ieħor li kienu 46 kilometru ‘l barra minn Lampedusa.