Illum 14 ta’ Mejju qegħdin niċċelebraw Jum l-Omm. L-omm hija s-sinsla tal-familja u l-persuna li għandha l-ħila tieħu post kulħadd, iżda posta ma jeħodulha ħadd. L-Omm hija wkoll dik il-persuna li ġarritna f’żaqqha għal madwar disa’ xhur, l-istess waħda li għallmitna il-valuri matul ħajjitna u dik li l-imħabba tagħha lejn uliedha ma tistax tiddeskriviha fi kliem sempliċi.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, dan is-sit żar l-skejjel tal-Mater Boni Consilii ta’ San Ġużepp f’Raħal Ġdid u l-Iskola ta’ San Franġisk f’Birkirkara, fejn tkellimna ma wħud mit-tfal li fi ftit kliem iddiskrivewlna xi tfisser għalihom l-omm, kif beħsiebhom iqattgħu din il-ġurnata mal-għeżiez tagħhom, b’wħud li wasslu anke messaġġ qasir lil ommhom f’din il-ġurnata ddedikata għalihom. L-omm hija dik il-persuna li tkun hem għal uliedha, li dejjem tlesti platt ikel fuq il-mejda wara li t-tfal jiġu lura mill-iskola, li tgħallem lil uliedha meta jiżbaljaw u li tkun dejjem hemm għalihom.
Dik kienet id-definizzjoni li t-tfal taw, meta kienu mistoqsija xi tfisser l-omm għalihom. Din il-ġurnata mhux kulħadd iqattahha l-istess, iżda minkejja dan l-iktar ħaġa importanti hija li l-omm tingħata prijoritá speċjali f’din il-ġurnata. Wħud qalulna li se jqattgħu din il-ġurnata jgħinu lil ommhom iktar fil-faċendi, filwaqt li oħrajn se jmorru fil-kampanja jew imorru jieklu x’imkien. Il-messaġġ li xtaqu jwasslu dawn it-tfal huwa li ommhom hija kollox għalihom, filwaqt li rrringrazzjawha għal dak kollu li tagħmel magħhom.
L-omm mhijiex biss l-omm bijoloġika, li għandha l-istess demm bħal uliedha, iżda anke dik adottiva. Minbarra dan kollu, l-għalliema wkoll huma omm għaliex fil-karriera tagħhom b’passjoni kbira jgħallmu lill-istudenti tagħha li għalihom jkunu qishom it-tfal tagħhhom. Minbarra l-għalliema u l-istaff kollu fl-iskejjel, hemm ukoll is-sorijiet li ukoll jitqiesu bħal omm. Dan għaliex huma ddedikaw ħajjtihom għal Alla u minħabba l-fatt li jieħdu ħsieb lill-istudenti. Student minnhom li jattendi fl-Iskola ta’ San Franġisk qalilna li xtaq iwassal messaġġ lis-sorijiet; ‘’ Nixtieq ngħidilhom grazzi ta’ kollox, ta’ kem jagħmlu għal l-iskola, talli dejjem jiddedikaw ħinhom mal-istudenti u saħansitra anke jipprovdu ikel lil xi ħadd li jkun inqabad mingħajr ikel fl-iskola’’.
F’jum l-omm niċċelebraw ukoll il is-single mothers li Gvern Laburista tant għen tul-is-snin. Jum l-omm huwa wkoll il-jum li fih niċċelebraw dawk l-ommijiet kollha li esperjenzaw l-IVF. Dan huwa jum li jfakkarna fit-tibdil fil-ligi tal-IVF li intorduċa l-Gvern Laburista sabiex twessa’ il-proċess biex koppji b’difikultajiet wkoll ikollhom l-ulied.
L-ewwel darba li Jum l-Omm kien iċċelebrat f’pajjiżna, kien fl-1961, propju waqt programm tat-tfal fuq ir-radju, immexxi minn Frans Said. L-istess programm wassal biex din it-tradizzjoni bdiet titfakkar kull sena f’Malta.
Oriġinarjament kienet Anna Javis mill-Istati Uniti lura għas-sena 1904, meta wara l-mewt ta’ ommha ddeċidiet li tibda kampanja sabiex jinħoloq jum iddedikat lill-omm. Tliet snin wara din il-festa ġiet ċċelebrata għall-ewwel darba fi knisja Metodista fi Grafton, West Virginia u fl-1914 il-President Woodrow Wilson approva abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu Jum l-Omm saret festa nazzjonali