Minn Cristian Muscat
Iddeskrivi r-rwol tiegħek fl-amministrazzjoni lokali tal-Judo.
Bħala Segretarju Ġenerali, il-kompiti, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tiegħi huma wiesa’ ħafna.
Apparti milli nirrappreżenta l-federazzjoni, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, jiena responsabbli mill-organizzazzjoni tal-avvenimenti, u kultant noħroġ nirrefja wkoll. In-numru ta’ uffiċjali involuti fil-federazzjoni huwa limitat, u anke n-numru ta’ voluntiera qed jonqos. Jiena trabbejt f’din il-federazzjoni, għalhekk għalkemm jien is-segretarju ġenerali, u issa membru tal-eżekuttiv tal-federazzjoni internazzjonali, qatt ma ħrabt minn xi kompiti meħtieġa għall-benefiċċju tal-federazzjoni.
X’tikkummenta rigward il-ħatra ferm prestiġjuża tiegħek fl-ambitu tal-Judo internazzjonali?
L-ewwelnett, jiena onorata ħafna b’din il-ħatra. Inħossni speċjali, għax ftit Maltin waslu biex ikunu fl-eżekuttiv ta’ federazzjoni internazzjonali. Dan ir-rwol iġib miegħu wkoll responsabbiltà akbar lejn id-dinja tal-judo, u jiena impenjata li nagħti l-almu tiegħi biex nappoġġja t-tkabbir u l-iżvilupp tagħha globalment. Permezz ta’ dan ir-rwol, għandi wkoll l-opportunità li nivvjaġġa madwar id-dinja u, flimkien mal-kumitati organizzattivi lokali, nagħmlu l-almu tagħna biex inorganizzaw l-aqwa avvenimenti possibbli.
Kif tqis il-livell tal-judo f’pajjiżna fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-judo f’pajjiżna żviluppa ħafna matul is-snin. Anke t-teknoloġija qed tgħin ħafna, kemm biex inorganizzaw l-avvenimenti b’mod aktar effiċjenti kif ukoll biex ikollna informazzjoni ċċentralizzata għal kulħadd. Il-kowċis tagħna issa huma mħarrġa u ċċertifikati mill-Akkademja tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Judo, u dan għolla ħafna l-livell tekniku. L-atleti ‘carded’ tagħna qed jittrenjaw barra minn Malta, fejn qed jiksbu esperjenza u espożizzjoni siewja. Bħalissa, qed niffukaw fuq il-bini mill-ġdid tas-settur taż-żgħażagħ u t-tħejjija tat-tim tagħna għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li ġej.
U dak tar-riżorsi fejn l-atleti Maltin jitħarrġu u jkolllhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?
Illum il-ġurnata, l-atleti għandhom ħafna aktar espożizzjoni u opportunitajiet meta mqabbla ma’ qabel. Żdied ħafna l-investiment fl-isport f’Malta, u dan huwa pożittiv ħafna. Madankollu, fl-istess ħin, għadna ferm ’il bogħod milli jkollna l-istess riżorsi u baġits bħal federazzjonijiet oħra barra minn Malta.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-Judo?
Sa minn meta niftakar, jien kont dejjem qrib it-tapit tal-Judo. Il-papa tiegħi, Envic Galea, ilu involut fit-tmexxija tal-Judo minn meta twilidt. Il-vjaġġ tiegħi fid-dinja tal-amministrazzjoni sportiva beda fl-1998, meta b’xi mod spiċċajt naħdem bħala uffiċjal tal-kompetizzjoni f’Malta.
Minn dakinhar ‘l hawn, l-affarijiet baqgħu sejrin ‘il quddiem. Fl-2004, bdejt naħdem fis-Segretarjat Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-Judo, u fl-2013, mort mal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Judo. Issa, jiena membru fil-Kumitat Eżekuttiv.
Dan il-vjaġġ kollu minn dejjem eċċeda dak li qatt ħlomt. Ir-responsabbiltà tiegħi lejn id-dinja tal-isport, li tatni l-opportunità li ngħix ħolma akbar minn kemm stennejt, hija li nibqa’ naħdem bis-sħiħ. Għandi wkoll tifla ta’ tliet snin, u li nkun omm filwaqt li nibni l-karriera tiegħi u nasal aktar ’il fuq minn ħolomti, huwa biss grazzi għall-appoġġ tal-familja tiegħi – u hija responsabbiltà li nġorrha b’kburija.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Judo.
Kemm jekk ikun judo, sport, jew kwalunkwe qasam ieħor, l-iktar ħaġa importanti hija li temmen. Temmen li kull ħolma tista’ ssir realtà. Il-ġestjoni tajba tal-ħin hija l-akbar assi biex tikseb karriera sinifikanti, speċjalment jekk int omm. Importanti wkoll li tħossok kburija b’dak li tagħmel. Jiena dejjem niżgura li binti tħaddan l-esperjenzi tiegħi u tifhem x’jiena nagħmel. B’ippjanar tajjeb, fidi fik innifsek, u kburija fil-vjaġġ tiegħek, kollox huwa possibbli!