Huwa fid-dmir tagħna li nipproteġu l-patrimonju kulturali u ambjentali tagħna u nikkonservaw il-potenzjal tal-bijodiversità sabiex nilħqu l-għanijiet tagħna u l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri, qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.
Il-ministru kien qed jitkellem waqt open-day organizzata mill-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) b’kollaborazzjoni mal-ministeru. L-iskop ta’ din l-attività kien li sservi ta’ promozzjoni għal dan is-sit Natura 2000 li huwa mogħni bil-bijodiversità.
Din l-attività offriet esperjenza edukattiva pożittiva lill-viżitaturi bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-ambjent ta’ madwarna. Fil-quċċata tal-perjodu tal-passa ta’ ħafna speċi ta’ għasafar, wieħed seta’ jilmaħ ukoll ammont ta’ tajr ipassi fuq il-Buskett tul il-ġurnata. Preżenti kien hemm ukoll membri tal-Malta Falconers Club b’numru ta’ tajr tal-priża.
Il-ministru spjega li l-Buskett huwa wieħed mill-iktar siti importanti tan-Natura 2000 li għandna f’Malta għaliex iservi ta’ abitat għal bosta pjanti, għasafar, mammiferi, rettili u insetti. Minħabba f’hekk, dan is-sit ġie ddikjarat bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC) u Żona ta’ Ħarsien Speċjali (SPA). Il-pjan ta’ immaniġġjar għal dan is-sit ġie żviluppat u l-proġett ġie implimentat biex tiżdied iż-żona msaġġra f’dan is-sit, tinkoraġġixxi l-interazzjoni maċ-ċittadini u l-immaniġġjar xieraq fuq is-sit.
Spjega li biex il-ministeru jimplimenta iktar inizjattivi u jinvolvi iktar lis-soċjetà ċivili, l-irziezet li hemm f’dan is-sit ġew assenjati fondi u funzjonijiet speċifiċi, fosthom ir-Razzett tal-Bagħal li huwa amministrat mill-FKNK. Il-ministeru ffinanzja proġett biex dan ir-razzett jibda jintuża għat-trobbija tal-barbaġanni u għall-introduzzjoni mill-ġdid tagħhom fis-salvaġġ. “Proċessi ta’ ri-introduzzjoni u konservazzjoni huma mekkaniżmi importanti ħafna għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi. Naqblu li din it-tip ta’ ri-introduzzjoni ttejjeb l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ speċi li sofrew minn tnaqqis fil-popolazzjoni tagħhom, primarjament permezz tal-impatt mill-bniedem”, qal il-Ministru Farrugia.
“Ġaladarba jingħataw l-għodod neċessarji, persuni differenti mis-saffi kollha tas-soċjetà jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv lejn l-ambjent ta’ pajjiżna. Jinħtieġ li nifhmu lil dawk li jgħixu stil ta’ ħajja rurali u li nirrispettaw il-patrimonju kulturali tagħna, imma fuq kollox, nifhmu l-valur ta’ djalogu effettiv u l-valur tal-bilanċ, u nirrikonoxxu li attivitajiet sostenibbli jistgħu jkunu kompatibbli mal-objettivi ta’ konservazzjoni u jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-bijodiversità ta’ diversi siti, speċjalment fil-qafas tal-pjan ta’ immaniġġjar. Djalogu effettiv u sħubija bejn ambjentalisti, kaċċaturi, bdiewa, sidien tal-artijiet u l-awtoritajiet, u djalogu onest bejn dawn kollha flimkien jista’ jġib bidla pożittiva u joħloq soluzzjonijiet għal diversi sfidi relatati mal-bijodiversità, konservazzjoni, l-iżvilupp rurali, u saħansitra t-tibdil fil-klima”, qal il-ministru.
L-Assistent Direttur fi ħdan id-Direttorat tal-Ambjent u r-Riżorsi tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) Darrin Stevens qal li l-ERA tilqa’ b’mod pożittiv il-proġetti ta’ ri-introduzzjoni ta’ speċi indiġeni, fosthom tal-barbaġann u tas-siġar ta’ Malta, għaliex temmen li l-ambjent jista’ jitjieb bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni konġunta.
“Il-fatt li l-gvern afdalna patrimonju hekk importanti u li l-Ministru għall-Ambjent tana sapport sħiħ u wera fiduċja fir-riżorsi u fil-kapaċità tal-FKNK, huwa pass importanti. Aħna nwiegħdu li nirreċiprokaw bil-fatti permezz ta’ proġetti ta’ konservazzjoni u li jippromwovu l-bijodiversità”, qal il-President tal-FKNK Joe Perici Calascione.