Nhar is-Sibt li għadda, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta taħt it-tmexxija taċ-Ċermen Jason Micallef u l-Kap Eżekuttiv Catherine Tabone, bidlet Pjazza San Ġorġ f’teatru miftuħ permezz tal-ħames edizzjoni ta’ Opera in the Capital.
F’din l-edizzjoni li għaliha attendew eluf ta’ nies ħadu sehem it-tenuri magħrufa Alan Sciberras u Cliff Zammit Stevens, flimkien mal-artista versatili Nadine Axisa. Il-prestazzjonijiet tagħhom imbagħad ingħataw il-ħajja mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, taħt id-direzzjoni ta’ Ryan Paul Abela.
F’kummenti li ta lil dan il-ġurnal, iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef qal li jinsab kburi mmens bis-suċċess ta’ dan l-avveniment li llum sar parti integrali mill-kalendarju kulturali annwali li ttella’ l-Aġenzija. Micallef qal li dan l-avveniment, li huwa wieħed mill-ikbar attivitajiet fil-miftuħ li jsiru fil-Belt Valletta, huwa ċelebrazzjoni tas-sbuħija ta’ din il-belt u tweġiba għad-domanda dejjem tikber għal esperjenzi kulturali fil-beraħ. Iċ-Ċermen tal-Aġenzija rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti biex ittella’ f’suċċess dan il-kunċert u rringrazzja wkoll lil dawk l-eluf ta’ nies li għoġbhom jattendu għalih bi ħġarhom.
Il-programm ta’ din is-sena ċċelebra mużika minn ġeneri differenti — minn kapolavuri operistiċi bħal Nessun Dorma, Ah! Lève-Toi Soleil, u Kuda Kuda, għal klassiċi ikoniċi tal-films bħal Sè (Cinema Paradiso) u Parla Più Piano (The Godfather). Fir-repertorju kien hemm ukoll siltiet favoriti tat-teatru mużikali inklużi Come What May (Moulin Rouge) u New York, New York, flimkien ma’ suċċessi popolari bħal Caruso u Quando Quando.
Għal aktar informazzjoni dwar l-avvenimenti li jmiss mill-Aġenzija żur vca.gov.mt jew segwi l-paġna Valletta Cultural Agency fuq Facebook.