Thursday, February 27, 2025

Operazzjoni delikata ħafna biex jitella’ trakk li waqa’ u għereq fl-Għadira ta’ San Raflu f’Għawdex

Aqra wkoll

Sewwieq ta’ readymix jeħlisa ħafif wara li t-trakk waqa’ fl-Għadira ta’ San Raflu u għereq. Is-sewwieq hu raġel ta’ 30 sena mir-Rabat Għawdex.

Kien għall-ħabta tan-12.30pm meta l-Pulizija flimkien mal-Protezzjoni Ċivili u anke d-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex ġew informati li kien għadu kemm waqa’ trakk tar-readymix u għereq fl-Għadira.

Il-Pulizija mill-ewwel marru fuq il-post li sabu lis-sewwieq tal-istess trakk fit-triq tal-Għadira imxarrab għasra. Jirriżulta li hekk kif tilef il-kontroll u nduna li t-trakk kien se jispiċċa fl-għadira fetaħ il-bieba tal-gabina u qabeż. B’hekk irnexxielu jeħlisha minn ħalq il-mewt.

Persuni li tkellmu ma’ dan is-sit fuq il-post qalulna li biex jitella’ t-trakk hija operazzjoni delikata mmens minħabba l-ammont kbir ta’ ħama li hemm fl-istess Għadira. “Jidher li se jkun diffiċli mmens li t-trakk jitella’. Min se jissogra jinżel biex jorbot it-trakk f’dak il-ħama kollu li hemm. Tkun qiegħed tistieden il-mewt,” qalilna raġel li kien qiegħed isegwi l-operazzjoni mill-qrib.

Fuq il-post hemm diversi uffiċjali tal-Pulizija, Protezzjoni Ċivili u anke uffiċjali tal-ERA minħabba li l-Għadira hija żona protetta. Jirriżulta li mit-trakk ħareġ ħafna żejt u b’xi mod irid jitnaddaf. Jidher ukoll li l-għadira hija fonda madwar 3 sulari.

Għal xi ħin kien hemm ukoll uffiċjali tal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem li taħthom taqa’ l-Għadira ta’ San Raflu.

Il-Pulizija qegħdin jinvestigaw dan il-każ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport