Sunday, December 29, 2024

Operazzjoni ta’ salvataġġ għal persuni mirduma taħt djar

Aqra wkoll

Għadd ta’ persuni huma rrapportati nieqsa wara li kmieni lbieraħ filgħodu l-provinċja ta’ Yunnan fiċ-Ċina esperjenzat valanga qawwija. L-awtoritajiet lokali taw bidu għal operazzjoni ta’ salvataġġ biex jinstabu residenti li possibbilment huma mirduma taħt id-djar li “nbelgħu” mill-istess valanga. 

Is-sitwazzjoni hija waħda ta’ emerġenza fil-villaġġ ta’ Liangshui, ħdejn il-belt ta’ Tangfang fil-kontea ta’ Zhenxiong fejn inħarġet ukoll ordni ta’ evakwazzjoni għal mijiet ta’ residenti. Dan id-diżastru naturali seħħ xahar wara terremot b’qawwa ta’ 6.2 fuq l-iskala Ritcher li kien laqgħat żewġ villaġġi fil-provinċja ta’ Qinghai. Dan it-terremot kien ikkawża l-mewt ta’ mill-inqas 149 persuna.

Filwaqt li fil-fażijiet inizjali tas-salvataġġ ma kienx hemm rapporti ta’ fatalitajiet jew ġrieħi fost dawk milquta, uffiċjali tas-salvataġġ ingħataw l-inkarigu li jfittxu persuni taħt 18-il dar differenti. Għadu mhuwiex magħruf eżattament x’wassal  għal din il-valanga iżda ritratti meħuda fuq il-post juru silġ mal-art. Fil-fatt, Yunnan, li jinsab fil-Lbiċ taċ-Ċina, huwa fost għadd ta’ provinċji oħra fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-pajjiż li bħalissa qegħdin jesperjenzaw kesħa kbira b’temperaturi taħt iż-żero gradi celcius.

Din il-valanga seħħet wara diżastru naturali ieħor – dak tat-terremot li seħħ fit-18 ta’ Diċembru li għadda. Dan kien qered ħafna djar u wkoll kien ta bidu għal valangi qawwija. F’dan l-aktar terremot devastanti fiċ-Ċina għal dawn l-aħħar disa’ snin, barra l-fatalitajiet, madwar 1,000 persuni oħra kienu sofrew ġrieħi kif ukoll inqerdu aktar minn 14,000 residenzi.

Ekonomija

Sport