Thursday, December 26, 2024

Opportunità biex iżżur Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra

Aqra wkoll

Nhar il-Ħadd, 10 ta’ Novembru, Heritage Malta, b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, qed tistieden lill- pubbliku jasal wasla sal-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, li se jkun miftuħ b’xejn bi programm imżewwaq ta’ attivitajiet għal Jum it-Tifkira.

Dan l-avveniment se joffri lill-viżitaturi esperjenza immersiva f’dan il-forti storiku, bħala parti minn sensiela ta’ avvenimenti organizzati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex Malta titnieda bħala destinazzjoni ewlenija għat-turiżmu militari, u lejlet il-ġurnata li tonora lil dawk li tilfu ħajjithom fis-servizz militari.

Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesploraw il-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra mingħajr ħlas, u jgawdu attivitajiet speċjali li jagħtu l-ħajja lill-istorja militari ta’ Malta. Dawriet iggwidati kuratorjali bbukkjati minn qabel, re-enactments storiċi vivaċi, u wirja ta’ vetturi militari se joffru vjaġġ interessanti tul is-sekli. Il-Malta Command – World War 2 Living History Group se jkomplu jżidu mal-atmosfera ta’ żmien il-gwerra bi drills u dimostrazzjonijiet ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.

Fost l-attrazzjonijiet prinċipali nsibu titjira spettakolari mill-Piper L-44 Grasshopper fis-1:00 pm, jekk it-temp jippermetti.

Ikkordinata mill-Mużew tal-Avjazzjoni ta’ Malta, din il-wirja rari se ssir fuq il-Forti Sant’Iermu u l-Port il-Kbir, u se toffri lill- viżitaturi ħarsa indimentikabbli lejn il-passat. Aktar kmieni fil-ġurnata, it-truppa tal-In Guardia se ddur f’parata madwar il-forti fil-11:00 am, segwita minn konvoj ta’ vetturi militari li jasal fil-11:30 am. Il-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar ta’ Malta wkoll se jkun miftuħ għall-esplorazzjoni permezz tal-esperjenza tar-realtà virtwali Dive into History 360°, ippreżentata mit-Taqsimiet tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar u tad-Diġitizzazzjoni ta’ Heritage Malta.

Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jesperjenzaw żewġ żidiet riċenti fil-mużew – il-passaġġ ġdid li jagħti ġieħ lill-baħrin ta’ sottomarini li tilfu ħajjithom fil-baħar lil hinn minn Malta jew waqt li kienu qed iservu mill-gżira matul il-gwerra, u l-wirja l-ġdida fil-memorjal, li tinkludi donazzjoni riċenti ta’ aktar minn ħamsin midalja ta’ 11-il uffiċjal mill-familja Gatt, li servew f’reġimenti Maltin tul ħames ġenerazzjonijiet konsekuttivi għal aktar minn 150 sena.

Il-Forti Sant’Iermu se jkun miftuħ mid-9:00 am sal-5:00 pm, bl-aħħar dħul permess fl-4:30 pm. Dawriet iggwidati bil-Malti u bl-Ingliż huma disponibbli għal €5 u għandhom jiġu riservati minn qabel fuq www.heritagemalta/mt/store jew mis-siti u l- mużewijiet ta’ Heritage Malta. Ingħaqad magħna għal ġurnata li twiegħed li tkun kemm edukattiva kif ukoll memorabbli.

Ekonomija

Sport