Friday, November 15, 2024

Opportunità għall-pubbliku biex iżur Villa Portelli

Aqra wkoll

Villa Portelli se tinfetaħ għall-pubbliku f’open weekend li se jsir fl-14 u fil-15 ta’ Ottubru, fejn ir-residenti tal-Kalkara, il-komunità tal-Kottonera u l-pubbliku se jkollhom l-opportunità li jaraw mill-qrib din ir-residenza li dan l-aħħar ġiet fdata mill-Gvern. Bħalissa Heritage Malta għaddejja b’ħidma biex tirrestawraha u tagħmilha aċċessibbli għat-tgawdija tal-pubbliku.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li din l-open day se tagħti opportunità lill-pubbliku biex jara mill-viċin il-konservazzjoni tal-artefatti u l-ġmiel ta’ din il-Villa.

Il-Ministru Bonnici faħħar l-isforzi ta’ Heritage Malta biex dawn is-siti jiġu restawrati. Il-Ministru Bonnici stqarr li l-Gvern huwa kommess li jkompli b’inizjattivi immirati lejn il-preservazzjoni, ir-restawr, u r-riabilitazzjoni ta’ siti storiċi fuq bażi regolari.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qal li l-patrimonju li jasal għand Heritage Malta, bħal Villa Portelli, jrid jintgħarbel, jiġi interpretat u jingħata r-ruħ biex jgħix magħna llum. “Dan huwa dak li Heritage Malta trid tfisser meta tgħid li l-patrimonju tagħna huwa ‘parti minna’. Il-patrimonju jkun tassew parti minna meta ngħaqqduh mal-lum biex nifhmu aktar is-soċjetà li ngħixu fiha,” qal is-Sur Cutajar filwaqt li ħabbar li Villa Portelli se tkun wieħed mis-siti li se jintużaw għall-maltabiennale.art 2024.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-open weekend f’Villa Portelli għal darba oħra jixhed l-impenn tal-aġenzija biex tagħmel il-patrimonju nazzjonali aċċessibbli għal kulħadd. Dan l- avveniment huwa biss parti minn bosta inizjattivi oħra li Villa Portelli se toffri lill-komunità ladarba terġa’ tingħata l-ħajja bir-restawr li se jsirilha.

Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina qal li Villa Portelli hija binja prestiġjuża li l-Kalkariżi huma lkoll kburin biha. Filwaqt li esprima l-kuntentizza tiegħu għall-fatt li l-villa issa qed tingħata l-attenzjoni li jixirqilha, huwa qal li l-open weekend se jkun opportunità għall-Kalkariżi biex japprezzaw aktar lil Villa Portelli kif ukoll għall- pubbliku biex iżur il-Kalkara u jiskopri iżjed l-identità ta’ dan ir-raħal u dak li għandu x’joffri.

Mifruxa fuq erba’ tomniet, Villa Portelli, fil-Kalkara, hija parti mil-legat storiku ta’ Malta. Fl-imgħoddi, il-villa kienet isservi bħala residenza għal personaġġi influwenti fi żmien il-ħakma Ingliża. Ladarba tkun restawrata, se toffri esperjenza multisensorjali fis-swali tagħha kif ukoll spazju għar-rilassament permezz tal-ġonna sbieħ li jdawruha. Uħud mill-kmamar tal-villa se jinbidlu f’uffiċini u spazji li se jintużaw minn Heritage Malta u mill- Kunsill Lokali tal-Kalkara.

Aktar tagħrif dwar l-open weekend f’Villa Portelli jinsab hawn: https://heritagemalta.mt/whats-on/villa-portelli- open-weekend/

Ekonomija

Sport