Saturday, November 16, 2024

Opportunità li l-pubbliku jara u japprezza dak li toffri l-arti tal-ibbalzmar

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar il-wirja ta’ diversi speċi ta’ tajr u animali bbalzmati li kienu parti minn kompetizzjoni organizzata mill-Malta Taxidermy Federation. Huwa fetaħ is-serata ta’ premjijiet f’din it-tielet edizzjoni ta’ kompetizzjoni tal-ibbalzmar fejn il-pubbliku qed jingħata l-opportunità li jara b’għajnejh u japprezza dak li toffri din l-arti.

Il-Malta Taxidermy Federation organizzat din il-kompetizzjoni biex toffri opportunità lid-dilettanti sabiex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom għaliex ix-xogħol jiġi ġġudikat minn ġurija professjonali b’esperjenza internazzjonali. Il-Ministru Clint Camilleri qal, “Dan joffri wkoll esperjenza għal meta dak li jkun jipparteċipa f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna fejn balzmaturi Maltin dejjem imorru tajjeb. Kull min iżur il-wirja jista’ jinnota li x-xogħol esebit huwa ta’ livell tajjeb ħafna”. Fil-fatt, il-ġudikanti barranin tal-kompetizzjoni kienu impressjonati ferm bix-xogħol artistiku u l-livell għoli tal-balzmaturi Maltin, speċjalment b’dak tat-tajr. Ingħad li l-ġurija tidħol f’dettall kbir sabiex tagħżel ir-rebbieħa.

Bħal f’kull pajjiż ieħor fl-Ewropa, illum il-ġurnata f’Malta l-ibbalzmar sar meqjus bħala arti. Fid-delizzju tal-ibbalzmar huwa biss persentaġġ żgħir tal-ispeċi li jiġu minn kaċċa. Fil-fatt f’din l-esibizzjoni, il-maġġoranza tal-esebituri ġejjin mit-trobbija fil-magħluq jew saħansitra kienu miżmuma bħala pets. L-esebiti kienu kollha meħudin legalment fil-Gżejjer Maltin jew fil-pajjiż tal-oriġinu tagħhom, u dawk li ma ttiħdux fil-Gżejjer Maltin ġew impurtati b’mod legali ukoll.

Fil-każ ta’ speċi kkaċċjati, il-laħam issajjar u ttiekel u bħala xhieda ta’ dan. Waqt din il-kompetizzjoni il-pubbliku kellu l-opportunità li jara b’għajnejh tajra tiġi mnaddfa u bbalzmata waqt li l-laħam tagħha jkun qed jiġi msajjar. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li l-ministeru dejjem kien ta’ għajnuna għall-Malta Taxidermy Federation u l-membri tagħha u kommess li jibqa’ jsir dan. Huwa temm billi awgura lill-esebituri kollha li qed jieħdu sehem.

Il-wirja u kompetizzjoni ta’ għasafar u annimali bbalzmati bdiet nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Awwissu, u se tintemm illum, il-Ħadd, fit-8pm fiċ-ċentru Parrokkjali Marija Bambina fin-Naxxar.

Ekonomija

Sport