Sunday, December 29, 2024

Opportunità li tgħinu lil ħaddieħor u lilkom infuskom

Sejħa għal volontarjat f’ħames pajjiżi - Malta, l-Italja, il-Polonja, il-Belġju u l-Portugall

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, l-MCVS, ħareġ sejħa għal volontiera żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena biex jipparteċipaw fil-proġett “CLIVE” – Combatting Loneliness & Isolation with Volunteers in Europe. L-interess għal din is-sejħa diġà huwa wieħed inkoraġġanti tant li bħala postijiet għad fadal biss numru limitat. F’kumment li ta’ lil talk.mt, Mauro Pace Parascandalo, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, qal li din hija opportunità għaż-żgħażagħ mhux biss li jagħtu kontribut ta’ valur bħala volontiera għal min huwa fil-bżonn imma anke għalihom bħala individwi f’esperjenzi, tagħlim u ċans li jagħmlu ħbieb ġodda kemm lokalment, kif ukoll barra minn xtutna.

“Din hija inizjattiva oħra li qegħdin noħoqlu biex nipprovdu opportunità lil numru ta’ żgħażagħ ħalli jagħmlu esperjenzi ta’ volontarjat kemm f’pajjiżna u anke barra minn Malta. Ftit tal-ġimgħat ilu l-MCVS irċeviet ukoll il-European Solidarity Corps Quality Label biex tospita volontiera Ewropej u dan ikompli juri anke l-impenn tagħna biex insaħħu s-settur tal-volontarjat u l-volontiera”.

Min-naħa tiegħu huwa ħeġġeġ lil żgħażagħ interessati biex ikelmuhom ħalli jipparteċipaw fil-proġett. Huwa spjega kif permezz ta’ dan il-proġett, hemm lok li min jipparteċipa jagħmel ħbieb ġodda Maltin u anke minn pajjiżi differenti, jitgħallem ħiliet ġodda u anke, fl-aħħar mill-aħħar, jagħti kontribut siewi lis-soċjetà bl-attivitajiet li se jiġu organizzati.

Fil-fatt, dan il-programm se jkollu attivitajiet varjati f’għadd ta’ pajjiżi parteċipanti fil-proġett fejn l-applikanti se jingħataw iċ-ċans li jagħżlu li jieħdu sehem bejn dawk li se jseħħu f’pajjiżna, kif ukoll fl-Italja, fil-Polonja, fil-Belġju jew fil-Portugall.

F’Malta… workshops ma’ anzjani dwar l-użu tat-teknoloġija
Fil-proġett ta’ Malta, il-volontiera magħżula se jkunu qegħdin jorganizzaw numru ta’ workshops ma’ anzjani dwar l-użu tat-teknoloġija, bħal kif tixtri onlajn u kif tuża “WhatsApp” u “Skype”. Dan għandu jgħin lil dawn l-anzjani jħossuhom inqas iżolati u jkollhom opportunitajiet ġodda ta’ kommunikazzjoni, kemm mal-għeżież tagħhom, kif ukoll ma’ ħwienet u entitajiet bżonnjużi li għandhom servizzi diġitali.

Se jkun hemm ukoll workshops relatati ma’ mużika u arti li jippromwovu l-anzjanità attiva. Fil-pajjiżi parteċipanti l-oħra l-benefiċarji jvarjaw minn nisa vulnerabbli, persuni b’diżabilità u żgħażagħ.

Il-volontiera li jintagħżlu għal dan il-proġett ffinanzjat mill-European Solidarity Corps Programm, se jkollhom fost l-oħrajn l-akkomodazzjoni u l-ikel imħallas. L-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet tagħlaq fl-10 ta’ Marzu 2023.

Dawk interessati japplikaw jew jixtiequ aktar informazzjoni jistgħu jżuru dan il-link: https://maltacvs.org/latest-news/call-for-youth-volunteers-project-clive/

Ekonomija

Sport