Ġimgħa ilu għalqet is-sejħa għan-nominazzjonijiet għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Sejħa li għaliha wieġbu żewġ kontestanti, Adrian Delia – li kien kap tal-Partit Nazzjonlista iżda spiċċa għax kien kontestat u Alex Borg. Ovvjament wieħed stenna kif filfatt sar li jinħarġu regolamenti dwar l-andament ta’ din l-elezzjoni, li se tkun qiegħda ssir f’Settembru.
Waħda mir-regoli li ġiet stabbilità mill-Partit Nazzjonalista kienet dik li ż-żewġ kontestanti ma jiddibattux lil xulxin. Regola oħra tgħid li waqt l-interivsti li jagħtu ma jistgħux jagħmlu referenza għal xulxin.
Regolament ieħor jgħid li “kull intervista li jagħtu jridu jagħtuha b’mod separat u mhux xi forma ta’ dibattitu. Fl-ebda ħin waqt l-intervisti ma jistgħu jsemmu lil xulxin,” tgħid waħda mir-regoli li ħareġ il-Partit Nazzjonalista. Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista ħabbret ukoll li ż-żewġ kandidati se jitħallew jaċċettaw intervisti biss mill-midja tal-Partit Nazzjonalista, u dan ladarba tibda uffiċjalment il-kampanja.
Il-kandidati, se jitħallew jaċċettaw intervisti minn kmamar tal-aħbarijiet oħrajn ladarba jkun għadda il-proċess intern tad-due diligence, iżda l-parteċipazzjoni se tkun soġġetta għal-linji gwida fejn fost l-oħrajn il-Partit irid jagħti permess minn qabel għal din l-intervista.
Nemmnu li kull elezzjoni f’kull parti hu min hu tħalli feriti u ġrieħi. Feriti li ħafna drabi idumu biex jfiqu. Wieħed jifhem ukoll li l-Partit Nazzjonalista għandu kull dritt jagħmel ir-regolamenti li jidhirlu hu. Ovvjament tali regolamenti imbagħad se jkunu għall-iskrutinju tal-pubbliku inġenerali u ta’ dawk li jkunu qegħdin isegwu. M’hemmx dubju li mir-regolamenti wieħed jista’ jasal għall-konklużjonijiet. Tali regolamenti se jagħtu lok ukoll għal spekulazzjonijiet.
Dan il-proċess qegħdin naraw li fih diversi nuqqasijiet. Ewlenija fost dawn hemm il-kwistjoni tad-dibattiti bejn il-kontestanti. Ma tridx tkun għaref biex tinduna li dan ir-regolament sar biex ma jsirux attakki personali. F’dibattitu faċli wieħed jipponta subgħajh lejn ħaddieħor biex jipprova jieħu vantaġġ. Ovvjament dan jurik li l-fatt li l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ma tridx dibattiti diretti bejn il-kontestanti, qed turi li l-klima bejn iż-żewġ kontestanti mhix xi waħda trankwilla. Tali regolament jurik li hemm il-biża’ li l-kontestanti flok jiddibattu fuq prinċipji, jew juru l-fehmiet tagħhom fuq dak li għaddej madwarna u li jinteressa lill-pubbliku inġenerali, jispiċċaw jippontaw is-swaba lejn xulxin.
Forse tali regolament kien jaħdem u jkun effettiv għoxrin sena ilu. Imma llum bil-mezzi soċjali dan ftit li xejn tista’ tikkontrollah. Qegħdin ngħidu dan għax il-midja soċjali diġa hi miżgħuda b’kummenti minn partitarji favur naħa u kontra naħa oħra. Il-kummenti juruk biċ-ċar li hemm qasma mhux żgħira. Meta tisma’ ċerti kliem u aġġettivi indirizzati lejn naħa u lejn oħra tinduna bil-qasma li hemm.
Wieħed jista’ jorbot lill-kontestanti b’tali regolamenti, iżda m’hemm xejn xi jżomm lil dawk li jappoġġjawom li jitkellmu u jwasslu messaġġi lill-pubbliku kontra kandidat jew favur kandidat partikolari. Dan hu xenarju li qegħdin narawh għaddej kuljum.
Ma naħsbux li kienet għaqlija id-deċiżjoni li ma jkunx hemm dibattiti bejn il-kontestanti. F’soċjetà demokarikati, id-dibattiti għandhom rwol essenzjali. Dawn jagħtuk iċ-ċans li tara l-karattru, it-temperament, u kif l-istess kontestanti jitrattaw issues u kwistjonijiet partikolari.
Li t-tesserati Nazzjonalista jieħdu deċiżjoni infurmata hija parti minn demokrazija li qed tiffjorixxi. Żgur li ma tista’ tieħdu deċiżjoni infurmata bil-kummenti biss li tara fuq il-midja soċjali, minn nies li xi drabi ma tkunx taf l-aġenda tagħhom x’inhi. F’sitwazzjoni bħal din it-tesserati jiġu f’dilemma ta’ liema informazzjoni għandhom jafdaw. Dibattitu dirett huwa sors ta’ informazzjoni affidabbli. Dan għax huwa wieħed mill-ftit drabi matul kampanja elettorali li tista’ tisma’ direttament mingħand il-mexxejja. Tisma’ direttament minn fommhom u mhux tkun ibbumbardjat b’messaġġi editjati u infiltrati, kif sfortunatament qed jiġri f’kull sfera tal-ħajja politika.
Li tara l-kontestanti f’post wieħed, diretti fuq il-palk, iwieġbu mistoqsijiet u jisfidaw l-ideat u l-opinjonijiet ta’ xulxin, jgħn lit-tesserati jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet li huma importanti. Hija wkoll opportunità biex tkun espost għal fehmiet li jistgħu jkunu differenti minn tiegħek, u minn dawk ta’ madwarek. Hi tieqa fid-dinja ta’ ħaddieħor. Dibattitu hu opportunità li jgħin lit-tesserati jifhmu aħjar u jkunu jaf aħjar lill-kontestanti interessati li jmexxu l-Partit Nazzjonalista.
Illum nistgħu ngħidu li tali dibattiti issibhom bħala li huma iċ-ċentri ta’ kampanji elettorali f’kontestazzjoni għat-tmexxija ta’ partit.
Id-dibattiti jgħinu lit-tesserati jagħmlu għażliet infurmati u jinkoraġġixxu lill-kontestanti biex jiffokaw fuq kwistjonijiet ta’ politika u fuq il-konvinzjoni.
Id-dibattiti diretti trid tipprepara għalihom. Trid tikkonvinċi lill-udjenza. Trid turi li kapaċi twieġeb. F’kelma waħda trid tkun infurmat. Tgħajjir jew attakki personali żgur li mhux sew jiswew ta’ ġid lil ħadd.
Kien hemm żmien meta kien hemm xettiċiżmu għal tali dibattiti barra pajjiżna. Biss personalitajiet magħrufin tkellmu apertament kemm tali dibattiti għamlulhom ġid.
Per eżempju Bob Dole, kandidat presidenzjali tal-Istati Uniti fis-sena 1996 għall-Partit Repubblikan kien iddikjara li “iġiegħluna naħsbu ‘l quddiem.”
Bill Clinton, President tal-Istati Uniti għas-snin 1993 sa 2001 kien iddikjara li “jien konvint li d-dibattiti li għaddejt minnhom għenuni biex inkun president aħjar.”
Ir-regolament tal-Partit Nazzjonalista li ma jiddibattux filmkien jagħti sinjal ħażin ħafna. Dan għax id-dibattiti jagħtu ċ-ċans lill-kontestanti biex juru li, minkejja d-differenzi tagħhom, jistgħu jittrattaw lil xulxin b’rispett reċiproku minkejja li jkun hemm oqsma li dwarhom ikun hemm differenzi jew nuqqas ta’ qbil.
Dibattiti simili jippromwovu ukoll ir-responsabbilità ta’ l-istess kontestanti. Dan għax dak li jingħad fid-dibattiti diretti, id-dikjarazzjonijiet li jsiru, il-pożizzjonijiet li jittieħdu u l-wegħdiet, isiru parti mir-rekord pubbliku. Ladarba l-kontestant rebbieħ jieħu l-kariga, is-soċjetà ċivili, ngos, il-midja u l-pubbliku inġenerali jistgħu jżommuhom responsabbli billi jinċitaw id-dikjarazzjonijiet li kienu saru.
Nemmnu li d-dibattiti bejn il-kontestanti huma proċess elettorali miftuħ u trasparenti fejn il-kontestanti jikkompetu bl-istess mod. M’hemmx dubju li dan ir-regolament tal-Partit Nazzjonalista hu opportunità mitlufa kemm għal kontestanti u aktar għat-tesserati biex jagħmlu għażlu infurmata.