Sunday, November 24, 2024

“Opportunità unika għall-kunsilli biex jibnu ambjent san u sistema preventiva”

- Mario Fava, President Assoċċazzjoni Kunsilli Lokali

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali organizzat konferenza bl-isem European Cities Against Drugs (ECAD) għas-sindki tal-kunsilli lokali u l-imsieħba relevanti. ECAD hija organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta miljuni ta’ ċittadini Ewropej u tippromwovi Ewropa ħielsa mid-droga.

L-ECAD taħdem favur inizjattivi kontra l-abbuż tad-droga, filwaqt li titkellem dwar l-effetti negattivi li tħalli l-użu tad-droga fuq livelli ta’ governanza lokali, nazzjonali u kif ukoll internazzjonali. Għaldaqstant, l-għan ewlieni ta’ din il-konferenza kien li s-sindki u msieħba oħra preżenti jiksbu tagħrif u informazzjoni kontra l-użu tad-droga f’kull livell ta’ governanza.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava spjega kif l-assoċjazzjoni qed taħdem viċin ma’ ECAD sabiex il-kunsilli reġjonali u lokali f’pajjiżna jkollhom l-għarfien fuq prattiċi tajba kontra l-abbuż tad-droga. “Din hija opportunità unika għall-kunsilli tagħna sabiex jiddiskutu mal-imsieħba Ewropej, biex nibnu ambjent san u sistema preventiva” qal Mario Fava.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-inizjattiva tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-impenn favur aktar taħriġ għall-mexxejja tal-kunsilli lokali. “L-għarfien li ser tiksbu illum huwa għodda oħra li ser tkompli tgħin fit-tisħiħ tad-demokrazija lokali, il-governanza tajba u l-iżvilupp sostenibbli fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna” spjegat is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Waqt din il-konferenza tkellmu diversi kelliema barranin li huma professjonisti fil-qasam tal-abbuż u l-prevenzjoni tad-droga. Kien hemm preżenti wkoll it-tim ta’ prevenzjoni tas-Sedqa li għamlu preżentazzjoni ta’ żewġ studji li jittrattaw ‘The Role of a Workplace Policy in Addressing Employees’ Substance Misuse Difficulties’ u ‘A Substance Misuse Policy in the Workplace: Senior Leadership Teams’ Attitudes’.

Għal din il-konferenza kien hemm preżenti diversi sindki, il-Presidenti Reġjonali u msieħba oħra tal-Gvern Lokali.

Sport