Sunday, November 24, 2024

OPPOŻIZZJONI INSENSITTIVA … TRID LI JIEQFU S-SUSSIDJI FUQ IL-PREZZIJIET TAL-ENERĠIJA

Aqra wkoll

Waħda mill-problemi kontenzjużi li qed tinkwieta bis-sħiħ lill-familji Maltin hija l-għoli tal-prezzijiet li qegħdin jogħlew minn jum għall-ieħor. Dan fil-biċċa l-kbira tiegħu qiegħed ikun ikkawżat mill-mod ta’ kif qegħdin jiżdiedu l-prezzijiet tal-enerġija. Jekk dawn il-prezzijiet se jibqgħu jogħlew, se jkomplu jogħlew il-prezzijiet tal-prodotti u tas-servizzi.

Għalhekk kienet għaqlija d-deċiżjoni tal-gvern li minn mindu faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna, intervjena hu biex żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u allaħares ma kienx hekk għax kieku t-tbatija tal-familji llum hija bla tarf. Irridu niftakru wkoll li l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija wasslet ukoll biex l-ekonomija nazzjonali kompliet tikber b’rata iktar milli kien mistenni, anke meta mqabbla mal-ekonomiji tal-istati msieħba fl-Unjoni Ewropea.

Fid-dawl ta’ dan kollu nistqarru li huwa ironiku kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qiegħda tinsisti li dawn l-għajnuniet għandhom jieqfu u ma jibqgħux jingħataw. L-Oppożizzjoni qiegħda tinsisti fuq dan fl-istess waqt li qiegħda tpinġi lilha nnifisha bħala t-tarka tal-ħaddiem f’pajjiżna. Jekk jieħu l-parir tal-Oppożizzjoni, ikun ifisser li l-piż taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija minn fuq il-gvern jgħaddu direttament għal fuq il-familji u n-negozji b’detriment mhux biss għal inflazzjoni ikbar imma wkoll għall-impjiegi.

Dan jikkonferma n-nuqqas ta’ viżjoni ekonomika li qiegħda tirrenja fil-Partit Nazzjonalista. Qed ngħidu dan għaliex kien dan il-gvern li fl-2013 ra kif għamel biex raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u għalhekk issa ma jistax ikun l-istess gvern li jħalli dawn il-kontijiet jerġgħu jogħlew sempliċiment għaliex ladarba jogħlew minn barra għandhom jogħlew. Fil-fehma tagħna dan ir-raġunar tal-Oppożizzjoni ma jagħmilx sens għaliex ikun qed ifarrak il-kisbiet kollha li saru, soċjali u ekonomiċi, bis-saħħa ta’ deċiżjonijiet għaqlin u f’waqthom li ttieħdu f’dawn l-aħħar snin.

Ta’ min ifakkar li allaħares ma kienx l-intervent finanzjarju tal-gvern li waqt il-pandemija salva eluf ta’ impjiegi u bl-istess raġunament hekk qed jagħmel fil-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija.

Nemmnu li issa, li l-ekonomija qiegħda tirpilja bil-kbir, b’mod raġonat, il-gvern beda jnaqqas mill-għajnuna b’rabta mal-pandemija lin-negozji, hekk ukoll nemmnu li jista’ jagħmel meta s-sitwazzjoni ekonomika dinjija titjieb u tistabilizza ruħha. Imma nemmnu li llum għadu mhux il-mument li l-gvern iwaqqaf l-għajnuna kollha li qiegħed jagħti lil bosta setturi ekonomiċi u soċjali b’rabta mal-għoli tal-prezzijiet tal-enerġija.

Ma rridux ninsew ukoll illi l-għajta ta’ dan il-gvern hija li l-ekonomija għandha tkun għan-nies u mhux in-nies għall-ekonomija. Għalhekk inħossu li sakemm tibqa’ din is-sitwazzjoni imprevedibbli dwar il-prezzijiet tal-enerġija għandu jibqa’ jgħin sakemm jista’ u kif jista’. Dan sabiex ma jkunx hemm impatt serju u gravi la fuq id-dħul tal-familji u wisq anqas fuq l-impjiegi tal-ħaddiema.

Għalhekk nemmnu wkoll li m’għandux ikun hemm abbuż minn ċertu negozji li minkejja l-għajnuna li qiegħda tingħata baqgħu xorta waħda jgħollu l-prezzijiet. Jekk jibqa’ jsir hekk allura dawn se jkunu qegħdin idaħħlu l-ingassa f’għonqhom stess għax jekk tonqos il-ħila tax-xiri tal-familja, fl-aħħar mill-aħħar ikunu s-sidien tan-negozji stess li jbatu għax jaraw in-negozju tagħhom jonqos jekk mhux ukoll jisfuma fix-xejn.

Sport