Hija inkwetanti li l-Oppożizzjoni ħarġet kontra dikjarazzjoni tal-assi aktar strinġenti u standards ta’ etika ogħla għall-Membri Parlamentari kollha. Hija inkwetanti wkoll li d-deputati tal-Oppożizzjoni huma kontra li issa se jkunu obbligati jiddikjaraw id-dħul tagħhom kif hemm proposti fl-emendi l-ġodda.
L-emendi preżentati mill-Gvern ilbieraħ huma maħsuba sabiex isaħħu dawn is-sistemi u ma hu veru xejn li l-Ministri jew is-Segretarji Parlamentari mhux se jibqgħu jiddikjaraw l-assi tagħhom.
Mhux talli dan l-obbligu se jibqa’ f’formola waħda kkonsolidata għall-Membri Parlamentari kollha, talli se jitwaqqaf ukoll għall-ewwel darba reġistru tal-interessi.
Ma hemmx dubju li hemm bżonn ukoll tisħiħ fil-Kodiċi tal-Etika tad-Deputati Parlamentari. Ta’ min ifakkar li l-uniku raġuni għaliex il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma sabx lill-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ħati li gideb u xerred informazzjoni falza fuq il-mediċini ġeneriċi kienet minħabba li l-Kodiċi tal-Etika preżenti ma jobbligax lid-Deputati Parlamentari jgħidu l-verità.
Jidher ċar ukoll li l-Oppożizzjoni hija maqsuma fuq il-proposta tal-Gvern li jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess, f’kull proċedura parlamentari. Dan għaliex mhux l-ewwel darba li deputati tal-Oppożizzjoni nqdew bis-siġġu tagħhom fil-Parlament, speċjalment b’mistoqsijiet parlamentari, biex jaġevolaw il-karriera personali tagħhom.
L-Oppożizzjoni ta’ Alex Borg hija verżjoni bħal ta’ qabilha u ta’ qabilha, jiġifieri titkellem mod u tagħmel mod ieħor. Il-Gvern Laburista daħħal liġijiet biex isaħħaħ kull fergħa tad-demokrazija f’pajjiżna u ma jieħux tagħlimiet minn partit fl-Oppożizzjoni li sal-lum għadu jħaddem skema sigrieta taċ-ċedoli.

