Fil-jiem li ġejjin, fil-Parlament se jkun hemm it-tieni votazzjoni b’rabta mal-ħatra tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan hekk kif l-ewwel vot ma kisibx l-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti wara li 41 membru vvutaw favur il-mozzjoni kif imressqa mill-Gvern filwaqt li 30 ivvutaw kontra.
Mitlub minn dan is-sit jikkummenta dwar din il-votazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li filwaqt li ma hemm l-ebda ħsieb li jinbidel isem in-nominat, jekk it-tieni vot ma jkunx hemm favurih iż-żewġ terzi tal-Kamra, it-tielet votazzjoni mbagħad issir b’maġġoranza sempliċi.
Huwa saħaq li waqt id-dibattitu li kien għaddej b’rabta ma’ din il-ħatra, assistejna għal Oppożizzjoni li ma ressqitx argument wieħed validu biex tissostanzja l-vot tagħha kontra l-ħatra ta’ Joseph Azzopardi f’din il-kariga.
“Kien diskors mid-diversi membri tal-Oppożizzjoni li hu surreali li vvutaw kontra imma raġuni plawsibbli, baqgħu ma tawx,” qal il-Prim Ministru. Huwa fakkar li kien hemm ftehim ċar mal-Kap tal-Oppożizzjoni li fil-kariga ta’ Ombudsman jinħatar l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon u fil-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards jinħatar il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi.
“Dan kien ftehim issiġillat iżda li mbagħad il-Kap tal-Oppożizzjoni rtira minnu għax l-establishment qallu li jew tirtira lura jew is-siġġu tiegħek ikun perikolat,” temm jgħid il-Prim Ministru.