Il-Parlament din il-ġimgħa beda jiddiskuti abbozz ta’ liġi importanti li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-qafas regolatorju fis-settur tal-kostruzzjoni. B’dan it-tibdil propost fil-liġi, għall-ewwel darba f’pajjiżna se jkollna l-introduzzjoni tal-liċenzjar tal-kuntratturi f’dan il-qasam, li spiss jispiċċa f’nofs kontroversja wara l-inċidenti li jseħħu fuq il-postijiet tax-xogħol b’mod partikolari f’siti ta’ kostruzzjoni.
Id-diskussjoni dwar dan l-abbozz ta’ liġi li issa tinstab fl-istadju tat-tieni qari, qiegħda ssir wara perjodu ta’ sitt ġimgħat ta’ konsultazzjoni li matulha l-istakeholders kollha involuti, NGOs u l-pubbliku inġenerali setgħu jagħti s-suġġerimenti tagħhom. Dan il-perjodu għalaq proprju l-ġimgħa li għaddiet, u b’kollox saru erba’ laqgħat pubbliċi, tlieta f’Malta u oħra f’Għawdex.
Sadanittant, l-Oppożizzjoni kienet assenti kull ħin milli tipparteċipa f’din il-konsultazzjoni pubblika. Dan kien dikjarat mill-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu Bernard Grech li fil-Parlament ftaħar li l-PN ma kellux għalfejn jieħdu sehem f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni. Dan huwa eżempju ieħor tal-inkonsistenza tal-Partit Nazzjonalista illi fejn jaqbillu joqgħod jikkritika xi nuqqas ta’ konsultazzjoni meta fl-istess waqt huwa qed jieħu atteġġjament li ma jressaqx proposti f’konsultazzjoni pubblika, taħt l-iskuża li l-PN diġà ilu jgħaddi proposti f’dan ir-rigward.
Kellu raġun il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi meta qal li dan huwa Gvern li jieħu d-deċiżjonijiet mistħoqqa wara li jkun ikkonsulta mal-pubbliku u ma’ dawk kollha interessati. Għalhekk nemmnu li l-Gvern qed ikun kuraġġuż u demokratiku meta jpoġġi fis-seħħ il-fehmiet tal-poplu fid-deċiżjonijiet li jieħu.
Għalhekk l-Oppożizzjoni, li xogħolha huwa li tikkritika b’mod kostruttiv u fejn ikun meħtieġ tressaq il-proposti tagħha bħala Gvern alternattiv, qed tonqos minn dan l-obbligu, jekk xejn lejn dawk in-nies eleġġewhom biex jirrappreżentawhom. B’hekk il-vuċi tal-PN ma tinstab imkien f’dawn il-proċessi ħlief f’xi diskorsi li jagħmlu fil-Parlament.
Minkejja dan kollu, nemmnu li l-proċess ta’ liċenzjar tal-kuntratturi jrid ikun ikkumplimentat minn passi oħrajn li jassiguraw aktar ħiliet, taħriġ u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan kien ukoll aċċennat mill-General Workers’ Union fil-proposti li ressqet waqt il-konsultazzjoni pubblika.
Għalhekk, filwaqt li nqisu dan l-iżvilupp bħala wieħed pożittiv, hemm bżonn li jsir l-infurzar meħtieġ biex kulħadd ikun konformi ma’ dak li se tkun qed tgħid il-liġi bl-għan aħħari jkun li dan is-settur ikompli jissaħħaħ u jimxi ‘l quddiem. Huwa proprju għalhekk li dawk li ma jimxux mar-regolamenti ġodda se jkollhom il-liċenzja tagħhom revokata.