F’kull pajjiż li jemmen verament fil-proċess demokratiku, kull deċiżjoni parlamentari hija rispettata u kull membru tal-parlament għandu l-obbligu li joqgħod u jbaxxi rasu għalihom. Ma jistax ikun li għax xi ħadd ma jaqbilx ma’ xi deċiżjoni, partikularment ruling mogħti ġustament mill-Ispeaker tal-Parlament, jabdika r-responsabbiltà u l-obbligu tiegħu lejn min eleġġieh u jabbanduna d-diskussjoni li tkun qed jew se ssir.
Sitwazzjonijiet u imġiba bħal dawn jirrelegaw lill-Oppożizzjoni Parlamentari għal-livell ta’ infantiliżmu jekk mhux ukoll għal livell ta’ medjokrità. Għax il-ġifa biss jaħrab meta ma jkollux argumenti sani u sostantivi.
Qed ngħidu dan għaliex fil-jiem li għaddew, il-membri tal-oppożizzjoni Nazzjonalista mmexxija minn Bernard Grech telqu ‘l barra mill-Parlament għaliex id-deċiżjoni tas-Sedja ma kinitx skont ix-xewqa tagħhom. U f’dan is-sens nissuspettaw li l-aġir tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista huwa intenzjonat biss li jtellef u jfixkel il-programm leġiżlattiv tal-gvern.
Bl-aġir tagħha f’dawn l-aħħar jiem l-Oppożizzjoni Nazzjonalista uriet infantiliżmu kbir meta għamlet bħat-tfal żgħar, li jew tgħaddi tagħhom jew isabbtu saqajhom mal-art. Hekk reġgħet għamlet nhar it-Tlieta li għadda l-oppożizzjoni nazzjonalista fil-Parlament.
Forsi dan għax ħasbu li huma biss għandhom xi dritt jew mertu uniku li jiddeċiedu x’inhu ta’ interess nazzjonali jew mhux? Il-vjolenza domestika u l-emendi li ressaq il-Gvern biex jiġġieled il-problema mhumiex ta’ interess nazzjonali?
Nissuspettaw ukoll li għadhom ma fehmux, jew ma jridux jifhmu li l-loġika tiddetta li f’waqt li jkunu għaddejjin negozjati, f’dan il-każ bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-Air Malta, inqas ma wieħed jgħid u jikkummenta ikun aktar aħjar.
Aħna nemmnu, anzi ninsistu bis-sħiħ, kif għamilna bosta drabi minn dawn il-kolonni, illi l-oppożizzjoni għandha kull dritt tikkritika kemm trid, u allaħares mhuwiex hekk. Imma fl-istesswaqt m’għandhiex tkun hi li tagħmel ħsara u tipprova timmina lill-pajjiż. Fuq kollox, f’demokrazija attiva l-Oppożizzjoni suppost hija l-gvern alternattiv u trid taġixxi bl-eżempju.
Li tabdika mill-obbligi tagħha u tabbanduna seduta parlamentari m’għandhiex tkun il-politika jew in-narrattiva ta’ Oppożizzjoni parlamentari.
Fuq kollox, partit politiku li jaspira li jmexxi lill-pajjiż irid iżomm quddiem għajnejh li jrid jiffaċċja l-ġudizzju tal-poplu u jagħraf ukoll illi meta jasal il-waqt tal-kontijiet, il-poplu mhux se jiddeċiedi b’qalbu imma se jaġixxi b’moħħu.
Għalhekk insostnu bil-qawwa li l-aġir tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista f’dawn l-aħħar jiem ma kinitx l-għażla t-tajba u la jagħmel ġieħ lill-istess Oppożizzjoni u wisq inqas lill-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, il-Parlament. Għalhekk jeħtieġ ukoll li l-Oppożizzjoni tagħraf taġixxi bis-sens u mhux bi frustrazzjoni.