Saturday, December 28, 2024

“Oppożizzjoni populista u kontradittorja anke fejn tidħol is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol”- Il-PL

Aqra wkoll

“Lil hinn mid-diskors populista, il-Partit Nazzjonalista ma ressaq ebda proposta konkreta dwar l-abbozz ta’ liġi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol li l-Gvern ressaq fil-Parlament wara konsultazzjoni wiesgħa”.

Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija, fejn ġie rrimarkat li l-Gvern qed juri b’liem serjetà qed imexxi dan il-proċess riformattiv, iżda minflok tat il-kontribut tagħha, l-Oppożizzjoni ħarġet tgħid li qed isir bl-għaġġla. Dwar l-Oppożizzjoni, il-PL qal li għal snin twal ħalliet dan is-settur fuq l-ixkaffa, fosthom il-liċenzjar tal-kuntratturi, settur li opera għal tant snin f’pajjiżna bla ma qatt kien regolat.

Intqal ukoll li l-liġi l-ġdida dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, saret wara proċess twil ta’ konsultazzjoni inkluż bit-tnedija ta’ Whitepaper fit-28 ta’April, 2023.

F’dan il-proċess kien hemm 13-il sottomissjoni fosthom mill-Imsieħba Soċjali, kemm rappreżentanti tal-employers kif ukoll trade unions, il-Malta Insurance Association, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, individwi/gruppi involuti fis-saħħa u s-sigurtà u anke l-bord tal-istess Awtorità li fuqu hemm rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.

Qabel tressaq l-abbozz, ittieħdu wkoll inkonsiderazzjoni l-konklużjonijiet u r-rakomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika, Jean Paul Sofia. Bl-istess Oppożizzjoni li qegħda tgħid li din hija riforma m’għaġġla, fis-6 ta’ Marzu li għadda, ressqet mozzjoni fil-Parlament biex il-Gvern jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-inkjesta Jean Paul Sofia fi żmien sitt xhur.

Il-PL qal ukoll; Li ma qalitx l-Oppożizzjoni li l-proċess miftuħ ta’ konsultazzjoni, kompla anke fi stadju ta’ Kumitat Parlamentari, kif anke ġie rikonoxxut mill-imsieħba soċjali u stakeholders oħrajn, konferma ta’ dan joħroġ mill-istqarrija tal-Kamra tal-Kummerċ. ⁠Il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta innotat li l-Gvern għamel proċess ta’ konsultazzjoni dettaljat, inkluż it-Tieni Qari u l-Consideration of Bills Committee, u saħansitra approvat il-modifiki li saru fuq l-abbozz f’dan l-istadju”.

Il-Partit Laburista jfakkar li għal kontra dak li allegat mill-Oppożizzjoni, il-Gvern diġa implimenta numru ta’ regolamenti u ser ikompli jagħmel dan fiż-żmien li ġej b’aktar regolamenti u anke bl-introduzzjoni ta’ instrumenti amministrattivi li jippermettu azzjoni aktar spedita u effettiva.

L-Awtorità qed tingħata r-riżorsi meħtieġa biex tkun tista’ tagħti l-aqwa servizz, xhieda ta’ dan huwa n-numru ta’ spezzjonijiet u azzjonijiet li qed jittieħdu mill-Awtorità, li fl-aħħar sena żdiedu b’mod sinifikanti. Il-liġi l-ġdida ser tagħti wkoll is-setgħa lill-Awtorità li tiddelega d-dmirijiet, il-funzjonijiet, is-setgħat u r-responsabbiltajiet tagħha  lill-awtoritajiet kompetenti oħra kif tqies meħtieġ għall-implimentazzjoni u l-infurzar effettiv tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, biex inkomplu nsaħħu l-kollaborazzjoni mal-entitajiet l-oħra.

Gvern Laburista ser jibqa’ kommess biex bl-investiment li qed isir f’dan il-qasam, u bil-liġi l-ġdida tal-OHSA tkun qiegħda tħejji lil pajjiżna sabiex tindirizza mhux biss l-isfidi tal-lum imma anke realtajiet li jistgħu jiżviluppaw fiż-żmien li ġej.

Ekonomija

Sport