“Ma nafx min int imma kburi bis-serjetà li għadhom jeżistu nies bħalek. U iva serraħ rasek li t-talba tiegħek ġiet milqugħa u anke tajnihom affarijiet oħra”. Hekk wieġeb biex jgħid Daniel Borg Cardona lil persuna li għamlet ordni f’wieħed mill-istabbilimenti li hu jieħu ħsieb.
Dan hekk kif l-istess ordni kienet tgħid li l-ikel huwa għal żewġ persuni bla saqaf fuq rashom li jinsabu fejn il-funtana tat-Tritoni. Filwaqt li ordnatilhom burger u xarba friska kull wieħed, din il-persuna talbet biex jekk hu possibbli jingħataw forsi xi ħaġa addizzjonali biex żgur jieklu ikla tajba.
Dan is-sit tkellem ma’ Borg Cardona fejn qalilna li tajjeb li jagħmilha ċara għax bla dubju se jkun hemm min jikkummenta dwarha, li hu xerred il-messaġġ bil-ħsieb li nxerrdu ftit pożittività qalb il-ħafna kritika u lmenti li saru “jifqgħu” il-midja soċjali.
“Jekk hemm xi ħaġa li ħadd ma jista’ jikkritikani dwar hija li ma nkunx man-nies tiegħi għax għalkemm ma nistax ninqasam, nara kif nagħmel u nkun kemm jista’ jkun kullimkien. Li nservi lin-nies għalija huwa l-ikbar sodisfazzjon u meta infurmawni b’din l-ordni ovjament mill-ewwel approvajta u żidna affarijiet oħra biex tal-inqas dawn il-persuni jħossu darba biss dak li aħna ħafna drabi nieħdu forgranted”, kompla biex jgħidilna Borg Cardona.
Huwa temm jgħid li anke minn ma jistax jgħin finanzjarjament jista’ jkun ta’ sostenn. Saħaq li dak li jkun jista’ jibda billi fost l-oħrajn ma jistigmatizzax persuni homeless u fakkar li minkejja li qatt ma kien fi stat daqshekk miżeru, huwa m’hemmx għalfejn imur lura ħafna fiż-żmien biex jiftakar perjodu fejn minkejja passjoni kbira lejn il-kċina, xogħlu kulma kien li jaħsel il-platti.
“Ma nħobbx noqgħod nirrepeti imma jien fejn jien illum grazzi għal dak il-persuna li tagħni l-opportunità li nuri kemm kont determinat. Li kieku ma ġietx dik l-opportunità u d-determinazzjoni li kont nuri, forsi llum lanqas jien fi stat li noffri dawk iż-żewġ burgers li ordnat Adrianna. Agħmlu kuraġġ u tibżgħux tieħdu l-opportunitajiet tagħkom”, temm jgħid magħna.