Wednesday, January 7, 2026

Ordni ta’ probation għal mara li ammettiet li ħadet lil binha l-Libja bla ma informat lill-missier

Aqra wkoll

Mara li isimha ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti ingħata ordni ta’ probation wara li ammettiet li kienet ħadet lil binha minuri lejn il-Libja mingħajr il-kunsens tal-missier.

Il-każ kien seħħ meta t-tifel kien għadu taħt is-16-il sena. Il-missier kien ressaq ilment kriminali fil-konfront tal-omm fejn spjega li lejn l-aħħar tal-2019, wara li t-tifel temm it-trattament kontra l-kanċer kien sar ftehim li l-omm kellha tieħdu Għawdex għal tlett ijiem u l-missier kellu jara lil ibnu fil-Milied.

Iżda meta mar biex jiġbor lit-tifel mid-dar, sar jaf li l-omm kienet ilha barra għal ħamest ijiem sħaħ. Sa Frar tal-2023 il-missier baqa’ ma jaf xejn dwar ibnu sakemm ingħata tagħrif li dan kien irritorna Malta. L-avukati tiegħu kienu kkonfermawlu li t-tifel kien ġie lura Malta bejn Settembru jew Ottubru tal-2022.

Rappreżentant ta’ Identità xehed li kien hemm applikazzjoni għall-passaport tat-tifel mill-ambaxxata Maltija fil-Libja fis-7 ta’ Settembru 2021, iżda mingħajr il-firma tal-missier.

Fil-proċeduri xehed ukoll rappreżentant mid-Direttorat għall-Protezzjoni tat-Tfal li spjega li kienu saru rakkomandazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Familja sabiex it-tifel jgħix mal-missier u biex jittieħed mill-ġdid taħt superviżjoni, bl-istess rapport jirrakkomanda wkoll laqgħat ta’ żjarat taħt sorveljanza, valutazzjoni psikoloġika u terapija tal-familja kollha.

Xehed ukoll tabib li ta l-kura lit-tifel għal sentejn sħaħ. Ix-xhud qal li t-tifel kien ibati minn disturbi ta’ attakkament minħabba nuqqas ta’ stabbiltà fil-kuntest familjari, iżda aktar tard irrimarka li t-tifel mexa ’l quddiem meta beda jgħix ma’ missieru u wkoll grazzi għall-kooperazzjoni tal-omm fit-terapija tal-familja.

F’Novembru tas-sena li għaddiet l-omm ammettiet l-akkużi kollha kontriha quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji tal-każ u fl-aħjar interess tat-tifel, kastig ta’ natura riformattiva kien l-aktar xieraq. Qalet li hu importanti ħafna li kemm il-missier u anke l-omm ikomplu t-terapija biex b’hekk jipprovdu stabbiltà lit-tifel.

L-Ispettur Gabriel Kitcher mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti jidher għall-akkużata.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport