Monday, April 21, 2025

Ordni ta’ probation ta’ tliet snin għal raġel li aggredixxa anzjan

Aqra wkoll

Massimo Tivisini, Taljan iżda jgħix il-Belt Valletta ammetta li kkaġuna ġrieħi gravi lil anzjan, li waqt il-proċeduri ħafirlu.  It-Taljan li għandu 56 sena kien ġie mixli li weġġa’ gravi lill-anzjan u li anke heddu li se tintuża l-vjolenza kontrih. Dan il-każ kien seħħ fit-13 ta’ Diċembru li għadda.

Fil-Qorti ntqal li f’Awwissu tas-sena l-oħra, saċerdot kien mar ikellem lill-vittma u talbu jekk jistax joffri akkomodazzjoni temporanja lil Tivisini minħabba li d-dar tiegħu kienet qed tissewwa. Il-vittma kien aċċetta u l-akkużat kien daħal jgħix mal-istess anzjan. Waqt dan il-perjodu l-akkużat kien ta’ għajnuna kbira għall-anzjan tant li kien jagħmel ħafna xogħol tad-dar. Min-naħa tiegħu, is-saċerdot kien qiegħed iħallas il-kera f’isem l-akkużat.

Fir-rapport li l-vittma għamel lill-Pulizija kien allega li t-Taljan kien aggredih diversi drabi u anke kien heddu li joqtlu. Fil-Qorti l-Ispettur Michael Vella kien qal li meta tkellem mat-Taljan dan kien qallu li kellu jitlaq mid-dar fejn kien jgħix minħabba li l-anzjan kien qiegħed jipprova jagħmel avvanzi sesswali fuqu.

Id-Difiża argumentat li tali aġir deher li wassal għall-inċident. Min-naħa tiegħu, il-vittma qal li t-Taljan kien jimponi wisq fuqu u fuq ħaddieħor. Dakinhar tal-inċident li wassal għall-akkużi, l-irġiel kellhom nuqqas ta’ qbil, u l-akkużat allegatament aggredixxa lill-anzjan u kkaġunalu ġrieħi f’rasu li ġew iċċertifikati bħala gravi.

Il-vittma fil-Qorti qal li kien qiegħed jaħfer lill-akkużat u ried li jżommu bħala ħabib. Skont l-anzjan hu kien irrapporta lil Tivisini “għall-ġid tiegħu”. 

Il-Qorti fis-sentenza tagħha nnotat li l-Prosekuzzjoni ma kinitx qiegħda tinsisti fuq ordni ta’ trażżin favur il-vittma peress li kemm l-akkużat u anke l-vittma kienu involuti fis-settur tal-volontarjat u kien hemm possibbiltà li jiltaqgħu fuq ix-xogħol.

Il-Maġistrat Leonard Caruana poġġa lit-Taljan taħt ordni ta’ probation għal tliet snin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport