Sunday, December 22, 2024

Organizzat it-tournament tal-FISTF International Golden Grand Prix ta’ Mechelen fil-Belġju

Aqra wkoll

F’April li għadda, ġie organizzat it-tournament tal-FISTF International Golden Grand Prix ta’ Mechelen ġewwa l-Belġju. Fil-kategorija tal-Veterani, kien Jason Pisani li ħareġ rebbieħ, b’sensiela ta’ riżultati tajbin. Fil-fażi tal-gruppi, huwa għeleb lil Marco De Bruin tal-Olanda 5-0, Bruno Goset tal-Belġju 2-0 u lil Jean Pierre Genart tal-Belġju 1-0. B’hekk, Jason rebaħ il-grupp u avvanza għall-fażi tan-Knock Out. Fl-aħħar 16, Jason għeleb lill-kompatriott Frank Chetcuti Dimech 3-1, fil-kwarti tal-finali lil Benoit Massart tal-Belġju 2-1 u fis-semi-finali lil Pascal Scheen tal-Belġju, 3-1. Il-finali kienet ukoll kontra player Belġjan u f’logħba bilanċjata u kumbattuta, Jason Pisani rebaħ b’gowl uniku, skurjat fl-ewwel minuti tal-logħba. Dan ir-riżultat jawgura tajjeb għall-kompetizzjonijiet li jmiss, kif ukoll għall-Kampjonati Ewropej, li ser isiru f’Ġibiltá f’Settembru li ġej. 

F’dan il-Golden Grand Prix, kien hemm ukoll il-kompetizzjoni tat-timijiet, fejn Bormla Subbuteo Club waslu sal-finali u tilfu 2-1 kontra t-tim Franċiż ta’ FTC Caen. Biex waslu sal-finali, it-tim Malti għeleb lil dawn it-timijiet Belġjani, AS Hennuyer B 2-0, Wamme SC 4-0 u ST Stembert B 4-0. Fis-semi-finali Bormla SC għelbu lil SC Charleroi fil-ħin barrani, wara li l-logħba spiċċat fi draw ta’ 2-2. It-tim Bormliż kien kompost minn dawn il-players: Mauro Camilleri, Jason Pisani, Bessim Golger, Pierre De Leeuw u Stelios Tsangouris. 

Fil-ġimgħat li ġejjin, Bormla SC se jkunu qed jipparteċipaw f’diversi kompetizzjonijiet ġewwa l-Italja, il-Greċja u l-Ġermanja. 

Ekonomija

Sport