Wednesday, December 25, 2024

Organizzata attività għaż-żgħażagħ bħala parti mill-kampanja “Give a damn, go vote”

Aqra wkoll

Ilbieraħ filgħaxija ġiet organizzata attività bħala parti mill-kampanja nazzjonali “Give a damn, go vote”, fejn laqqgħet numru ta’ individwi żgħażagħ involuti fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Il-kampanja qed tittella’ bil-għan li tħajjar liż-żgħażagħ jivvotaw fit-8 ta’ Ġunju, irrispettivament mit-twemmin politiku tagħhom jew ma’ liema partit jappartjenu.

Waqt li kien qed jindirizza l-attività, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti rringrazzja lil dawk kollha li attendew għal dan l-avveniment. Huwa enfasizza fuq l-importanza tal-vot, u ddeskrivieh bħala wieħed mill-aktar għodod b’saħħithom li għandu l-poplu biex jinfluwenza d-deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjitna, il-komunitajiet, u l-futur tagħna. Huwa fakkar li l-elezzjonijiet li ġejjin tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali huma opportunità kruċjali għaż-żgħażagħ biex iħallu l-marka tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti kompla jgħid li meta ż-żgħażagħ jingħaqdu flimkien u jmorru jivvotaw, jibagħtu messaġġ qawwi li jimpurtahom mill-futur tagħhom. Huwa temm billi ħeġġeġ liż-żgħażagħ kollha biex jivvotaw u biex jinkoraġġixxu lil sħabhom u lill-familji tagħhom biex jagħmlu l-istess.

Il-kampanja “Give a damn, go vote” temmen li kull żagħżugħ jista’ jkun katalist għall-bidla. Billi jivvotaw, iż-żgħażagħ jieħdu kontroll tal-futur tagħhom fuq kwistjonijiet bħall-edukazzjoni, l-opportunitajiet tax-xogħol, l-ambjent, u diversi liġijiet li jaffettwaw il-ħajja tagħhom.

L-attività temmet b’appell ċar li l-vot mhuwiex biss dritt imma responsabbiltà u li huwa d-dmir ta’ kulħadd li jipparteċipa fil-proċess demokratiku u jiġi żgurat li l-vuċi ta’ kulħadd tinstema’.

Ekonomija

Sport