Wednesday, October 9, 2024

Organizzata l-ewwel edizzjoni tal-Festival tar-Roti f’Għajnsielem 

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali Għajnsielem bl-għajnuna u s-sapport sħiħ tal-Ministeru għal Għawdex se jorganizzaw l-ewwel edizzjoni tal-Festival tar-Roti – ġurnata mimlija attivitajiet divertenti u sportivi relatati maż-żewġ roti.

Għal din l-attività se jingħaqdu l-għaqda lokali R.U.S.T (Riders United Standing Together) flimkien mal-Goodcleanfun u MMBA (Malta Mountain Bike Association).

Din l-attività, li se tkun attraenti ghall-familja kollha, se tinzamm fiċ-ċentru tar-raħal pittoresk ta’ Ghajnsielem se tkun tikkonsisti f’attivitajiet kemm sportivi u anke edukattivi fosthom faċilità li tuża r-rota fuq rampi mibnija apposta għall-okkażjoni, tlielaq għal etajiet differenti, possibiltà tal-użu tal-Għajnsielem Pump track kif ukoll ‘Urban Mountain Race’ li se tkun tikkonsisti fi spettaklu professjonali fuq turġien u toroq.

L-għan primarju ta’ din l-attività huwa li minbarra li jippromwovu l-użu tar-roti kemm bħala sports iżda anke bħala mezz ta’ transport billi t-tfal jiġu mħeġġa jibdew jużawa sa minn età żgħira. 

Il-Kunsill Lokali Għajnsielem bena trakka apposta għall-użu tar-roti u matul is-sajf jorganizza diversi attivitajiet marbuta ma’ dan l-isports filwaqt li jagħlaq ċ-ċentru tar-raħal mit-traffiku tal-karozzi għal numru ta’ ġranet sabiex jinċentiva l-użu tar-roti.

Din l-attività, li hija tal-ewwel xorta tagħha f’Għawdex, żgur li se tattira diversi dilettanti tar-roti minn madwar Malta u Għawdex kollu filwaqt li flimkien jaqsmu mumenti ta’ divertiment u kompetizzjoni.

Festa Roti ser jiġi organizzat nhar is-Sibt 23 t’April 2022 bejn il-11:00a.m. u l-4:00p.m.

Bħala żoni se jkun hemm il-Pjazza Madonna ta’ Loretu, Pjazza 10 ta’ Diċembru, Triq Chambray quddiem il-każini, Ta’ Passi (Bethlehem f’Għajnsielem) u fl-Għajnsielem Pump Track

Għal aktar dettalji u programm tal-attivitajiet wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Lokali Għajnsielem.  

Sport