Friday, November 15, 2024

Osasuna mkeċċija mill-UEFA Conference League minħabba korruzzjoni

Aqra wkoll

Osasuna tkeċċew mill-UEFA Conferen­ce League għall-istaġun li ġej liema kastig ingħata wara li nstabu ħatja li għaxar snin ilu kienu nvoluti f’korruzzjoni li nfluwenzat bosta riżultati. 

Il-UEFA ddikjarat lill-club Spanjol bħala “ineli­ġibbli” biex jipparteċipa fit-tielet li­vell tal-football Ew­ropew għall-2023/24.

Osasuna spiċċaw fis-seba’ post f’La Liga l-istaġun li għadda wara li għelbu lil Athletic Bilbao fl-aħħar ġurnata biex kisbu l-kwalifikazzjoni b’żewġ punti. 

Madankollu l-club Spanjol mhux se jitħalla jilgħab fil-kompetizzjoni li fl-istaġun li għadda ntrebħet minn West Ham. 

Stqarrija maħruġa mill-UEFA kienet tgħid:

“Il-club ta’ Osasuna ġie mgħarraf bil-konklużjonijiet tar-rapport imfassal mill-ispetturi tal-Kumitat ta’ Kontroll, Etika u Dix­xiplina tal-UEFA.

“F’dan ir-rapport, l-ispetturi jiddikjaraw ‘l-ineliġibbiltà tal-club biex jipparteċipa fil-UEFA Conference League 2023-2024’, u b’hekk iċaħħdulu d-dritt li jipparteċipa f’kompetiz­zjonijiet Ewropej li jkun kiseb b’mod ġust fil-ground.

“Ir-raġuni tmur lura għal xi avvenimenti li seħħew fl-istaġun 2013-14 u li, fl-opinjoni tal-UEFA, kisru l-artiklu tagħha 4.1g tar-regolamenti tal-kompetizzjoni.”

Osasuna kkonfermaw li se jappellaw minn din is-sospensjoni mposta mill- UEFA.

Huma żiedu: “Qawwija mad-dgħajjef u dgħajfa mal-qawwi.

“Il-qrati tal-UEFA ma ridux iqisu li kienu l-qrati Spanjoli nfushom li litteralment iddikjaraw li Osasuna kienu vittmi tad-devjazzjoni ta’ flus li twettaq minn uħud mill-eks diretturi tagħhom minn wara l-ogħla korp ta’ tmex­xija tal-entità, l-Assemblea, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-club innifsu.”

Il-club stqarr li huwa jinsab “ippreparat għal dak kollu li jista’ jinqala’” iżda saħaq li huma “qatt ma huma se jaqtgħu qalbhom.” L-istess club baqa’ jinsisti li huma kis­bu post­hom fil-Conference League b’mod me­ritat. 

Jekk l-appell ma jintlaqax, ikunu Athle­tic Bilbao li jiġu aċċettati.  

L-iskandlu in kwistjoni ġie msejjaħ Caso-Osasuna u spiċċa bl-eks president tal-club, Miguel Ar­chanco, u ħames eks diretturi ta’ clubs oħra kkundannati l-ħabs.

B’riżultat ta’ dan, il-qorti sabet €650,000 fondi tal-club kienu diretti biex jitħallsu players minn timijiet oħra biex jinfluwenzaw ir-riżultati.

Ekonomija

Sport