Sunday, December 22, 2024

Oscar Hiljemark maħtur Assistent coach ta’ Aalborg wara karriera twila ta’ plejer

Aqra wkoll

Oscar Hiljemark twieled fil-belt Svediża ta’ Gislaved nhar it-28 ta’ Ġunju 1992 u llum għandu 29 sena. Hu ex player tal-football mat-team nazzjonali Svediż kif ukoll ma’ diversi clubs domestiċi u internazzjonali. 

Hiljemark beda l-karriera tiegħu tal-istess belt fejn twieled fejn sal-etá ta’ 16-il sena kompla jiżviluppa l-ħiliet tiegħu f’dan l-isport. 

Sena wara ġew għalih IF Elfsborg sabiex fl-2008 me­ta kellu 18-il sena ffirma l-ewwel kuntratt professjo­nali ma’ dan it-team. Kienu sentejn ferm intensivi għa­lih fejn mill-ewwel deher il-potenzjal tiegħu f’nofs il-ground tant li kien involut f’61 partita fiż-żmien li lagħab magħhom. 

Il-kapaċitajiet tiegħu fil- midfield bdew jimpressjo­naw lil diversi scouts li bdew jarawh u ma kinitx sorpriża li l-ġganti Olandiżi PSV Eindhoven ikkuntattjawh sabiex joffrulu kuntratt magħhom. Huwa la­għab 49 partita mat-team mill-belt Olandiża u skorja żewġ goals. 

Fl-2015 bdiet avventura ġdida għalih hekk kif ingħaqad ma’ Palermo fl-Italja li dak iż-żmien kienu jilagħbu fis-Serie A. Staġun minnhom hu kien misluf ukoll lil Genoa sabiex sena wara ffirmawh magħhom.

Hiljemark jgħid li l-esperjenza Taljana kienet l- aktar waħda produttiva tal- karriera tiegħu tant li f’erba’ snin lagħab 106 partiti. 

L-aħħar parti tal-karriera tiegħu għamilha b’self ma’ Panathinaikos fil-Greċja u Dynamo Moscow fir-Rus­sja sabiex fl-istaġun li għad­da ffirma ma’ Aalborg tad-Danimarka. 

Huwa ffirma kuntratt ta’ erba’ snin għalkemm b’xorti ħażina kellu jdendel iż-żarbun tal-football aktar kmieni milli mistenni minħabba injuries ripetuti li kien qed ikollu f’dawn l-aħħar snin. B’hekk hu tkellem mal-club Daniż u ġie deċiż li sa minn dan l-istaġun kien se jokkupa l-kariga ta’ assistant coach. 

Hiljemark irrappreżenta lil pajjiżu 28 darba u skorja żewġ goals. Huwa pparteċipa wkoll f’żewġ avvenimenti kbar – l-Euro 2016 u t-Tazza tad-Dinja 2018. 

F’dawn l-aħħar jiem, l- assistant coach ta’ Aalborg kien f’pajjiżna fejn it-team tiegħu pparteċipa fit-Tip Sport Malta 2022 fejn spiċċa fit-tielet post tal-klassifika. 

Dan il-ġurnata ltaqa’ ma Hiljemark fejn qasam l-esperjenzi tiegħu. 

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Minn dejjem kont inħobb il-football. Apparti li kont nara ħafna logħbiet fuq it-televiżjoni, dejjem kont immur il-ground filwaqt li nilgħab dik il-logħba football ma’ sħabi.

Il-ġenituri tiegħi ma ridux iċaħħduni minn dan il-passatemp li kelli u meta kelli seba’ snin irreġistawni ma’ Gislaveds IS, team li ġej minn belt twelidi stess. Nistqarr li magħhom tgħallimt ħafna fejn qattajt disa’ snin ferm sbieħ. 

Darba fost l-oħrajn, ġew xi scouts ta’ IF Elfsborg fuq fejn talbuni jekk ridtx nin­għaqad magħhom għall- prova. Jien ma qgħadtx naħsibha darbtejn u fil-fatt mort fil-Boras Arena fejn b’xorti tajba qtajt figura tajba. L-isbaħ mument kien meta ddebuttajt mat-team tal-kbar proprju fil-UEFA Europa League kontra Napoli. Għalkemm tlifna 2-0, konna tajna wirja tajba ħafna u jien kont kuntent bil- wirja tiegħi.

Il-coach ta’ dak iż-żmien kellu fiduċja kbira fija tant li kien jinvolvini ta’ spiss fl-ewwel 11. Fl-2013 l-aġent tiegħi li kien qed jitħabat ħafna sabiex isibli team barra minn pajjiżi, irċieva offerta mingħand PSV Eindhoven. 

Kienet xi ħaġa kbira għa­lija għax dan hu team kbir li żgur m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Fil-fatt f’kemm ilni ngħidlek iffirmajt magħhom u bdejt nilgħab b’mod regolari.

Dawn il-wirjiet għenuni ħafna sabiex nibda kar­riera oħra fl-Italja din id-darba ma’ Palermo u Genoa. L-esperjenzi tiegħi komplew proprju fil-Greċja ma’ Panathinaikos u fir-Russja ma’ Dynamo Moscow sabiex ftit tax-xhur ilu mort ma’ Aalborg fid-Danimarka. Sfortunatament kelli ntemm il-karriera tiegħi ta’ 28 sena.

X’kienet ir-raġuni li rtirajt daqshekk kmieni?

Ovvjament kelli nirtira kontra qalbi meta tqis li ta’ 28 sena kont għadni fl-aqwa tal-karriera tiegħi.

Madankollu fl-aħħar ħa­mes snin kien qed ikolli uġigħ regolari f’ġenbejja u rkuptejja. Minkejja li għamilt diversi operazzjo­nijiet, l-uġigħ baqa’ jitfaċċa u wara diskussjoni twila mat-tobba tiegħi, kien inevitabbli li ndendel iż-żarbun tal-football sabiex ma nkomplix niggravaha. Dan kollu seħħ ftit tax-xhur ilu u ħarġet qalbi meta fuq il-profil tiegħi fuq Instagram kelli nagħti din l-aħ­bar ħażina.

Kien għalhekk li mal-club tiegħi Aalborg li għadni taħt kuntratt magħhom għal sentejn oħra, tkellimt mad-diriġenti u ddeċidejt li nservi fir-rwol ta’ assistent coach, xi ħaġa li qed nidra nagħmel u li fiha qed nitgħallem il-kwalitajiet po­żit­tivi tagħha. 

Kif kienet l-esperjenza tiegħek fl-Italja?

Nemmen li l-esperjenza li kelli fl-Italja ma’ Palermo u Genoa kienu l-isbaħ mumenti fil-karriera tiegħi. Miegħi kelli wkoll kollega ieħor mill-Isvezja, Robin Quaison, u dan il-fatt għeni ħafna sabiex nambjenta ruħi fi Stadio Renzo Barbera. 

Niftakar fil-goal li skorjajt fl-ewwel xahar tiegħi fi Sqallija kontra Carpi fejn kont għent lit-team niksbu draw ta’ 2-2. 

Sitt ijiem wara saħansit­ra skorjajt doppjetta kontra AC Milan għalkemm xorta tlifna 3-2 f’darna. Verament m’għandix xi ngerger mill- ambjent li offrewli Palermi u għalhekk nqisha bħala esperjenza ferm pożittiva. 

Ma’ Genoa bdejt fuq bażi ta’ self sabiex sena wara ddeċidew li jiksbu s-servizzi tiegħi. Il-coach ta’ dak iż-żmien tani ħafna fiduċja f’nofs il-ground u naħseb li qdejt dmiri bl-aqwa mod possibbli.

U kif tiddeskrivi l-esperjenzi fil-Greċja u r-Russja?

Fil-veritá, Genoa kienu bagħtuni fuq bażi ta’ self ma’ Panathinaikos u Dynamo Moscow. Ċertament li dawn kienu esperjenzi qosra ħafna, ftit nista’ nitkellem fuqhom ħlief li ngħid li esperjenzajt tipi u stili differenti ta’ football. 

Forsi l-iktar mument ftit diżappuntanti seħħ pro­prju fil-Greċja fejn Panathinaikos kienu għaddejjin minn problemi finanzjarji u għalhekk tkellimt mal-club sabiex ma nibqax nagħ­mel parti mit-team an­ke għax ma kinux qed jonoraw sew id-dmirijiet finanzjarji tagħhom mal-players. 

U kif qed tħossok ma’ Aalborg?

Aalborg huwa club li fehem sew is-sitwazzjoni fi­żika tiegħi. Fl-ewwel sta­ġun tiegħi lgħabt għaxar partiti magħhom u skorjajt goal wieħed biss. Meta ġejt biex nirtira huma fehmu li kont bejn ħaltejn x’għandi nagħmel u għalhekk offrewli l-kariga ta’ assistant coach.

X’memorji għandek tat-team nazzjonali Svediż?

It-team nazzjonali ta’ pajjiżi huwa ferm għal qalbi għax dejjem tajt il-mija fil-mija tiegħi. Lgħabt 28 darba u kelli ċ-ċans li nipparteċipa fil-Kampjonat Ew­ropew tas-sena 2016 u t-Tazza tad-Dinja ta’ sentejn wara. 

Kif tiddeskrivi l-ambjent f’Malta waqt il-kamp ta’ taħriġ li kellkom f’Ta’ Qali?

Dan hu ambjent ideali ħafna għall-player tal-football li ġej min-naħa ta’ fuq tal-Ewropa. 

Bħalissa fil-pajjiżi Skan­dinavi t-temp hu wieħed estrem, it-temperatura hi ferm għolja u għalhekk kollox jinsab wieqaf. Irrid infaħħar il-faċilitajiet li hawn f’Malta u anke l-ospitalitá li kienet waħda kordjali ħafna. 

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u jridu jaqbdu karriera sportiva.

Fi ftit kliem ngħidilhom biex jemmnu fihom infus­hom, jiffukaw f’dak li qed jagħmlu u jkollhom riżultati sbieħ!

Ekonomija

Sport