Ronnie O’Sullivan għeleb l-isfida ta’ Stephen Maguire biex irnexxielu jgħaddi għas-semifinali tal-kampjonat dinji tal-isnooker li qiegħed jintlagħab f’Sheffield fl-Ingilterra. Huwa kiseb rebħa kbira ta’ 13-5 kontra l-Iskoċċiż.
Għalkemm fl-ewwel sessjoni, O’Sullivan ma kienx fl-aqwa tiegħu, huwa rnexxielu jdawwar il-prestazzjoni tiegħu fuq il-mejda fis-sessjonijiet ta’ wara.
Sullivan li rebaħ dan il-kampjonat sitt darbiet u qiegħed jimmira għas-seba’ titlu personali, daħal fis-sessjoni tal-lum b’sieq waħda ġewwa hekk kif kien jonqsu biss żewġ frames biex jgħaddi għar-rawnd li jmiss. Huwa rnexxielu jagħmel dan fi ftit ħin bi breaks ta’ 71 u 126 sabiex assigura r-rebħa u postu fis-semifinali.