Friday, December 13, 2024

OTTIMIŻMU LEJN IN-NORMALITÀ

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ilu żmien jgħid li qed jistenna li pajjiżna jkollu rebbiegħa u sajf tajbin, biex minn hemm inkunu qbadna għalkollox ir-ritmu għan-normalità. 

It-tneħħija tar-restrizzjonijiet ftit ftit, li bdiet fl-aħħar ġimgħat u mistennija tkompli fi żmien li ġej m’hemmx dubju li tikkontribwixxi għal dan il-għan u iktar ma nibdew ngħixu normali, iktar il-fiduċja tal-poplu f’pajjiżu u l-attività ekonomika jkomplu jiżdiedu. 

Fl-aħħar jiem kien hemm numru ta’ konfermi oħra li jixhdu kemm teżisti fiduċja f’pajjiżna. Fl-ekonomija u t-tmexxija tiegħu fost oħrajn. 

Fuq quddiem nett it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ekonomija. Mhux biss ikkonfermat li s-sena li għaddiet l-ekonomija reġgħet bdiet tikber sew wara x-xokk tal-pandemija, iżda wkoll bassret li din is-sena se tkun l-iktar waħda li tikber fiż-Żona Ewro u fl-Unjoni Ewropea. Dan mhux tbassir iżolat u għalhekk huwa konferma oħra tal-fiduċja li teżisti f’pajjiżna minn entitajiet indipendenti u tal-affari tagħhom. Jekk tul l-aħħar snin pajjiżna seta’ jserraħ rasu fuq magna ekonomika b’saħħitha li ma qatgħet xejn, l-istess jista’ jkompli jagħmel għaż-żmien li ġej. 

U dan f’Għawdex ukoll. Kienu inkoraġġanti ħafna r-riżultati li ħarġu minn Għawdex dwar kif marru l-lukandiera u r-ristoranti f’sena oħra ta’ pandemija. It-titjib fuq is-sena ta’ qabel kienu sostanzjali u m’hemmx dubju li dan hu attribwit għal żewġ raġunijiet; qabelxejn li s-suq domestiku baqa’ sod għax bħala pajjiż salvajna x-xogħol u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, kif ukoll grazzi għall-inizjattivi li dawru r-rota bħalma kienu ż-żewġ skemi ta’ vouchers miljunarji. Fuqhom se tibni l-iskema ta’ €70 miljun ewro mħabbra fl-aħħar jiem u li meta titħaddem mistennija tagħti injezzjoni qawwija li tgħin lin-negozji u lill-familji.  Skema li tinkludi l-ogħla rifużjoni tat-taxxa mħabbra fil-budget, kif ukoll ċekk addizzjonali maħsub bħala stimulu u biex jgħin quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja. 

Sinjali oħra ta’ fiduċja dehru fil-Eurobarometer fejn il-Maltin huma fost l-iktar popli ottimisti dwar il-ġejjieni. Sinjal ieħor li dak li jbassru t-tekniċi qed jinħass ukoll mill-poplu, anke jekk ħerġin minn pandemija u l-effetti tagħha żgur ma jistgħux ikunu injorati. 

Li hu żgur li għall-ġejjieni qed nitilqu minn punt b’saħħtu. Żgur li aqwa minn ta’ popli oħra Ewropej bħalna li fl-aħħar ġimgħat u xhur kellhom iħabblu moħħhom kif se jerfgħu ħemel ta’ piżijiet ġodda. F’pajjiżna hemm realtajiet bħall-inflazzjoni li wkoll qed niffaċċjaw, imma magħhom stajna nitkellmu fuq sensiela ta’ inizjattivi li jgħinu lin-nies. Mhux ta’ b’xejn li llum qed nirrapportaw kif għandna l-inqas prezz tal-petrol u d-diesel fl-Unjoni Ewropea. 

Minn hawn ’il quddiem nemmnu li rridu nħarsu b’entużjażmu. Anke f’dik li hi ħajja soċjali. Meta tara l-istatwa ta’ San Pawl ħierġa mill-Knisja, attivitajiet bħall-X Factor jew il-Eurovision li qed isiru jew huma pjanati bl-aqwa mod, tibda tintebaħ kif qed nieħdu ħajjitna lura. Sa xhur ilu affarijiet bħal dawn kienu biss virtwali. 

L-istess jekk toħroġ f’xi post mimli ristoranti u tara n-nies jieħdu pjaċir flimkien, jew fl-isport fejn issa għajnejna jinsabu fuq avvenimenti kbar bħall-iSpecial Olympics u l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ippjanat għas-sena d-dieħla. Pass pass imma mexjin ’il quddiem. 

Kif qal il-Prim Ministru iktar minn darba jrid ikollna rebbiegħa u sajf tajbin u ta’ xogħol. L-ewwel sinjali pożittivi ħafna. U dawk għandhom iservu biss il-bażi għaż-żmien li ġej. 

Ekonomija

Sport