Thursday, December 26, 2024

Ottimiżmu u inċertezza fil-Lvant Nofsani li qed jistenna r-ritorn ta’ Trump

Aqra wkoll

Hekk kif mexxejja ta’għexieren ta’ nazzjonijiet Għarab u Iżlamiċi qed jinġabru fil-kapitali Sawdija għal summit, hemm spekulazzjoni mifruxa dwar x’se tfisser it-tieni presidenza ta’ Trump għar-reġjun. B’kuntrast qawwi mal-biżgħat espressi fl-Ewropa dwar l-imprevedibbilta famuża ta ‘ Donald Trump, il-pajjiżi Għarab tal-Golf għandhom it-tendenza li jqisuh bħala forza għall-istabbilta

L-Arabja Sawdija, tqis lil Trump b’mod ferm aktar favorevoli milli tqis lill-president uxxenti Amerikan Joe Biden. Trump kien għażel lill-Arabja Sawdija għall-ewwel vjaġġ tiegħu barra mill-Istati Uniti bħala President fl-2017. 

Permezz ta’ ħatnu Jared Kushner, Trump igawdi relazzjonijiet ta’ ħbiberija mill-qrib mal-ħakkiem de facto Sawdi, il-Prinċep Eredi Mohammed bin Salman. Il-prinċep Salman qatt ma ħafer jew nesa lil Biden li kkritika b’qawwa lill-Arabja Sawdija għall-attitudni tagħha lejn id-drittijiet tal-bniedem.

Ir-rekord ta’ Trump fil-kariga huwa wieħed imħallat fejn jidħol il-Lvant Nofsani. Min-naħa waħda għoġob lill-Iżrael u qanqal l-għadab tad-dinja Għarbija meta rrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael kif ukoll l-annessjoni ta’ Iżrael tal-Għoljiet tal-Golan okkupati.

Iżda assigura wkoll il-Ftehim ta’ Abraham fl-2020 li ra lill-UAE, il-Baħrejn u l-Marokk jistabbilixxu relazzjonijiet diplomatiċi sħaħ ma’ Iżrael u s-Sudan.

Trump kien, u huwa, favur kunflitt mal-Iran. Tant li fl-2018, huwa ħareġ lill-Istati Uniti mill-ftehim nukleari tal-Iran, l-hekk imsejjaħ Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt. 

Kien sejjaħ lil dan il-patt bħala “l-agħar ftehim fl-istorja”, u qasam il-fehmiet ta’ ħafna gvernijiet fir-reġjun. Il-ftehim, kien immirat biex irażżan l-ambizzjonijiet nukleari tal-Iran. 

Trump kien li ordna l-qtil ta’ Qasem Soleimani, il-mexxej tal-Forza Quds tal-Gwardji Rivoluzzjonarji tal-Iran.

Iżda l-Lvant Nofsani tal-lum mhuwiex l-istess bħal dak meta Trump telaq mill-White House fl-2020. Iżrael jinsab fi gwerra mal-Ħamas u l-Hezbollah, u skambja attakki kemm mal-Houthis fil-Jemen kif ukoll mal-appoġġ tagħhom fl-Iran.

Taħt l-amministrazzjoni Biden, l-influwenza tal-Istati Uniti fir-reġjun tidher li naqset bil-White House fil-biċċa l-kbira ineffettiva biex trażżan lil Iżrael hekk kif jinsab fi gwerra f’Gaża u fil-Libanu.

Ir-ritorn ta’ Trump fil-White House huwa maħsub li x’aktarx jagħti lill-Iżrael aktar ħelsien biex jolqot miri fl-Iran, bħaż-żejt u l-faċilitajiet nukleari li l-amministrazzjoni ta’ Biden qalet li huma “off limits”.

L-appoġġ qawwi tiegħu għall-Iżrael u l-pożizzjoni aggressiva lejn l-isforzi destabbilizzanti tal-Iran għamluh alleat ewlieni fir-reġjun, u r-ritorn tiegħu għall-poter huwa mistenni li jintensifika l-isforzi biex jillimita l-influwenza tal-Iran.

Iċ-Ċina, l-Għarabja Sawdija u l-Iran qablu li jwarrbu d-differenzi tagħhom, biex itemmu seba’ snin ta’ ostilità, ikkaratterizzati bl-aktar mod viżibbli mill-gwerra fil-Jemen fejn il-forza tal-ajru Sawdija bbumbardjat lir-ribelli Houthi appoġġjati mill-Iran.

Minn mindu seġġet ir-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-Iran fl-1979, l-Arabja Sawdija u l-ġirien Għarab Sunni tagħha fir-reġjun qiesu l-Iran bħala theddida kbira għas-sigurtà tagħhom. Iżda l-attakk sorpriża tad-drones tal-2019 fuq il-faċilitajiet taż-żejt Sawdi, attribwit lill-militanti appoġġjati mill-Iran kien tfakkira skomda lill-istati Għarab tal-Golf dwar kemm kienu vulnerabbli għall-attakk mill-Iran.

Għalhekk illum, b’summit Għarbi u Iżlamiku li jsejjaħ għat-tmiem tal-kunflitti f’Gaża u l-Libanu, hemm kemm ottimiżmu kif ukoll grad ta’ inċertezza dwar x’se tfisser it-tieni presidenza ta’ Trump għal-Lvant Nofsani.

Ekonomija

Sport