Saturday, December 21, 2024

Ottubru l-aktar xott fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Ottubru kien l-aktar wieħed xott fl-istorja minn kemm ilha tinġabar id-data mill-Uffiċċju Meteoroloġiku. Jirriżulta li f’Ottubru tkejlu biss 0.2mm xita u dan meta n-norma klimatika għal Ottubru hija ta’ 77.6mm.

It-temp xott kien akkumpanjat minn temperaturi aktar sħan minn dawk li normalment nesperjenzaw f’dan iż-żmien tas-sena wara li pressjoni baxxa baqgħet għal aktar żmien min-normal fuq il-Mediterran.

Minħabba dan kollu t-temperatura medja kienet ta’ 23.9°C, jiġifieri 2.2°C ogħla min-norma klimatika. Filwaqt li l-ogħla temperatura matul ix-xahar ta’ Ottubru laħqet il-31.7°C fit-18-il jum, l-aktar ġurnata sħuna qatt irreġistrata f’Ottubru tibqa’ dik tas-27 ta’ Ottubru tal-1999. Dakinhar, l-ogħla temperatura kienet telgħet sa 34.5°C.

Min-naħa l-oħra l-aktar temperatura baxxa matul Ottubru tkejlet fil-15 tax-xahar meta niżlet għal 17.8°C. It-temperatura medja f’wiċċ il-baħar kienet dik ta’ 25.7°C, jiġifieri ftit ogħla min-norma klimatika ta’ 24°C. It-temperaturi għolja tax-xahar li għadda kienu akkumpanjati wkoll minn 259.3 sigħat xemxin. Dan ifisser li l-gżejjer Maltin gawdew minn 41.6 siegħa xemxija aktar min-norma klimatika. L-aktar ġranet xemxin kienu d-9 u l-14 tax-xahar, hekk kif matul dawn il-jiem tkejlu 10.2 sigħat xemxin.

Ekonomija

Sport