Tuesday, September 23, 2025

Ousmane Dembele jirbaħ il-Ballun tad-Deheb

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret f’Theatre du Chatelet, f’Pariġi, organizzata minn France Football taħt l-awspiċi tal-FIFA,  l-attakkant internazzjonali Franċiż ta’ Paris St-Germian, Ousmane Dembele,  rebaħ il-Ballun tad-Deheb. 

Dan tħabbar mil-leġġendarju Brażiljan, Ronaldinho, hekk kif is-sala nfexxet f’ċapċip u għajjat ta’ approvazzjoni favur Dembele. 

Huwa għeleb lill-Ispanjol ta’ Barcelona, Lamine Yamal. 

Fit-tielet post spiċċa l-Portugiż ta’ Paris St-Germain, Vitin­ha, li kien segwit mill-Eġizzjan ta’ Liverpool, Mohamed Salah.

Din is-69 edizzjoni ġiet ippreżentata mill-eks player internaz­zjonali Olandiż li lagħab ukoll ma’ Milan u Chelsea, Ruud Gullit flimkien mal-opinjonista Ingliża fuq stazzjon televiżiv, Kate Scott.  

L-Ispanjola ta’ Barcelona, Aitana Bonmati, 27 sena, rebħet il-Ballon D’Or tan-Nisa għat-tielet darba konsekuttiva wara li għelbet lill-Ispanjola ta’ Arsenal, Mariona Caldentey. Fit-tielet post spiċċat l-Ingliża ta’ Arsenal, Alessia Russo.  

Żewġ players oħra biss għamlu din il-bravura ta’ tliet suċċessi personali nfila – Lionel Messi u Michel Platini.  

L-attakkant internazzjonali Svediż ta’ Sporting Lisbon, Victor Gyokeres (illum ma’ Arsenal), rebaħ il-Gerd Muller Trophy wara li skorja 54 goals minn 52 partita. It-trofew ġie ppreżentat minn Luis Figo. 

Il-Pollakka ta’ Barcelona, Ewa Pajor, rebħet il-kategorija tan-Nisa, li skorjat 43 goals minn 46 logħba.  

Il-goalkeeper internazzjonali Taljan u ta’ Paris St-Germain, Gianluigi Donnarumma (illum ma’ Manchester City),  rebaħ il-Yashin Trophy li ġiet ippreżentata mil-leġġendarju u kompatrijott tiegħu, Gian­luigi Buffon.

L-Ingliża ta’ Chelsea, Hannah Hampton, rebħet il-kategorija tan-Nisa wara li kienet strumentali biex l-Ingilterra rebħu l-Euros. Kienet l-eks kollega, Mary Earps, li ppreżentatilha t-trofew.   

Il-coach Spanjol, Luis Enrique, rebaħ il-Johan Cruyff Trophy, wara li mexxa lil Paris St-Germain għar-rebħ tat-Treble li jikkonsisti fil-UEFA Champions League, il-Kampjonat Fran­ċiż u t-Tazza Franċiża.   Huwa ma kienx preżenti minħabba li l-bieraħ stess, il-Pariġini kienu mpenjati f’partita ta’ Ligue 1 kontra Marseille. 

Il-coach Olandiża, Sarina Wiegman, rebħet il-kategorija tan-Nisa hekk kif hija  mexxiet lill-Ingilterra għar-rebħ tal- Kampjonat Ewropew. Hija ġiet ippreżentata bit-trofew minn Fabio Capello. 

Iż-żagħ­żugħ internazzjo­nali Spanjol ta’ Barcelona, Lamine Yamal,  rebaħ il-Kopa Trophy biex sar l-ewwel player iswed li rebaħ dan l-unur għat-tieni darba konsekuttiva. 

Il-kategorija tan-Nisa ntrebħet minn player oħra ta’ Barcelona, l-internazzjonali Spanjola, Vicky Lopez, 19-il sena. 

Paris St-Germain rebħu l-unur tat-Team tas-Sena wara li rebħu l-aqwa tliet unuri għad-dispożizzjoni tagħhom. 

It-team tan-Nisa ta’ Arsenal ġie vvutat bħala t-Team tas-Sena wara s-suċċess tagħhom fil-UEFA Champions League. 

Xana Foundation rebħu s-Socrates Award liema premju jingħata lil dawk li  jwettqu xogħol umanitarju u soċjali straordinarju barra mill-qasam tal-football. F’dan il-każ, ix-Xana Foundation joffru għajnuna u appoġġ komprensiv lit-tfal u ż-żgħażagħ affettwati minn mard serju, kif ukoll lill-familji tagħhom.

Luis Enrique u t-tifla tiegħu Sira, huma l-patruni ta’ din il-fondazzjoni wara l-mewt tat-tifla l-oħra, Xana, li mietet bil-marda tal-kanċer fl-għadam. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport