Il-viċi president ta’ Barcelona, Rafa Yuste, qal li Ousmane Dembele jista’ jiffirma kuntratt ġdid mal-Katalani.
Il-ftehim attwali tal-internazzjonali Franċiż mal-ġganti Katalani għandu jiskadi fl-aħħar ta’ Ġunju, u kien mistenni li jinbiegħ f’Jannar wara li naqas li jaqbel ma’ termini ġodda mat-team immexxi minn Xavi.
Dembele rritorna fl-azzjoni bl-aħjar mod possibli fl-aħħar ġimgħat, madankollu, bil-player ta’ 24 sena jiskorja goal u jipprovdi seba’ assists fl-aħħar ħames dehriet tiegħu fil-La Liga.
Huwa mifhum li l-attakkant għadu jrid jieħu deċiżjoni finali dwar il-futur tiegħu, b’numru ta’ clubs lesti joffrulu kuntratti ta’ qligħ biex iħalli l-club bi free transfer dan is-sajf.
Madankollu, Yuste qal li Barcelona issa huma miftuħa għall-possibbiltà li jerġgħu jiftħu taħditiet dwar kuntratt mal-Franċiż skont il-kuntentizza tiegħu stess fil-club.
“Jekk Ousmane Dembele jibqa’ jħossu komdu fil-club, nistgħu niltaqgħu mal-aġenti tiegħu u jista’ jibqa’ magħna,” qal Yuste.
Dembele, li hu maħsub li hu fil-mira ta’ Manchester United, Tottenham Hotspur u Juventus, skorja żewġ goals u rreġistra disa’ assists f’21 dehra ma’ Barcelona dan l-istaġun.